Lokali
Il-vjolenza domestika jaf tgħolli aktar rasha f’dan iż-żmien diffiċli…

Il-vjolenza domestika – pjaga moħbija tas-soċjetà li fi kriżi bħal din taf tgħolli aktar rasha.

F’diversi pajjiżi fejn sar lockdown diġà rrappurtaw żieda fl-inċidenza tal-każi tal-vjolenza domestika. Il-kummissarju dwar il-vjolenza domestika wriet tħassib li f’dawn iċ-ċirkustanzi straordinarji qed jagħmlu l-ħajja aktar diffiċli għall-vittmi tal-vjolenza domestika anke għaliex isibu iktar diffiċli biex jirrappurtaw. Madankollu saħqet li hemm il-mezzi biex jagħmlu dan.

Il-Kummissarju dwar il-Vjolenza Abbazi ta’ Ġeneru u l-Vjolenza Domestika, Audrey Friggieri stqarret li is-sitwazzjoni ta’ vjolenza tkompli tagħmel il-ħajja aktar diffiċli għal persuni li huma vittmi tal-vjolenza domestika minħabba l-probabbiltà li l-vittmi u l-aggressuri jkunu aktar flimkien id-dar.

F’kumment lil TVM, il-Kummissarju Friggieri esprimiet il-fehma li f’din is-sitwazzjoni, il-vittmi jistgħu jħossuhom aktar mhedda biex jirrappurtaw u jfittxu l-għajnuna.

Hija fakkret fis-servizz tal-112 li ssaħħaħ permezz ta’ verżjoni ġdida tal-112mt mobile app joffri mezz effiċjenti biex il-persuna tkun tista’ tagħmel kuntatt mal-Pulizija, il-Forzi Armati, id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili u l-isptar. Il-GPS jindika awtomatikament fejn jinsab dak li jkun biex is-servizzi tal-emerġenza jkunu jistgħu jsibuh aktar malajr.

Hija ħeġġet lill-vittmi sabiex jirrikorru għall-għajnuna u appellat biex kulħadd jieħu ħsieb xulxin għaliex hawn nies li qed isofru fis-silenzju fid-djar tagħhom aktar minn qatt qabel.

“Jekk inti tisma’ xi ħsejjes mhux tas-soltu mingħand il-ġirien, smajt xi ħaġa jew xi ħadd ġibidlek l-attenzjoni, aħna lkoll obligati li nitkellmu.”

Filwaqt li saħqet dwar il-ħtieġa li n-nies jobdu d-direttivi tal-awtoritajiet tas-saħħa biex inwaqqfu l-imxija tal-Covid-19, qalet li hawn nies li fl-istess ħin qed jiġġieldu gwerra doppja f’darhom stess.

“Fejn hemm problema, in-nies qed jgħixu ma’ din il-problema. Int qed tgħix mhux biss mal-membri tal-familja tiegħek, imma qed tgħix mal-biża’, qed tgħix man-nuqqas ta’ sigurtà, mal-inċertezza li hija tortura għal min qed isofriha din.”

Is-sinjura Friggieri appellat biex anki l-agressuri li huma konxji li għandhom problema, għandhom ifittxu l-għajnuna biex jikkontrollaw l-imġieba tagħhom.

Aħbarijiet Oħra
Kronaka

Jidher li tħeġġeġ xi nar x’imkien fi Triq l-Imdina, bejn Ħal Qormi u Ħaż-Żebbuġ hekk kif jixhed ir-ritratt. Is-sewwieqa qed jiġu mitluba jsuqu bil-galbu minħabba d-dħanen suwed fl-arja. Aktar dettalji…

Immigrazzjoni

L-ekwipaġġ tal-bastiment Europa II jinsab għall-kenn wara t-tanker CURACAO ‘l barra mill-ponta tal-Jerma f’Wied il-Għajn wara li l-ekwipaġġ Malti kellu jabbanduna l-pożizzjoni tiegħu mat-13-il mil ‘il barra minn Malta, minħabba…

Lokali

L-Għadqa Repubblika permezz tal-avukati tagħha talbet lill-Avukat Ġenerali biex jibgħat lura r-rapport tal-inkjesta tal-Maġistrat Joe Mifsud dwar id-denunzji tagħha biex jkunu investigati il-Prim Ministru, il-Kmandant tal-Armata u l-ekwipaġġ tal-patrol boat…

Lokali

Triq Sannat hija waħda minn għadd ta’ toroq li qegħdin jiġu ffinanzjati mill-Ministeru għal Għawdex u qed tiġi rranġata b’valur ta’ madwar €800,000. Ix-xogħlijiet li saru f’din it-triq jinkludu s-servizzi…

Aktar