Lokali
Il-vjolenza domestika “l-kanċer tas-soċjetà”

Is-soluzzjonijiet għall-vjolenza domestika mhumiex faċli, bil-Ministru Helena Dalli ddeskrivietha bħala “l-kanċer tas-soċjetà”.

Meta inawgurat l-uffiċċju l-ġdid tal-Kummissjoni dwar il-Vjolenza Domestika, il-Ministru Dalli sejħet għal aktar ħidma biex il-mistħija tinġieb fuq min jagħmel il-vjolenza, għax l-aġir tal-aggressuri, mhux aġir tan-nies.

“Lil hinn minn dak li intom il-politiċi qed tagħmlu, din hija r-realtà gravi li qed ngħix ta’ kuljum. Qegħda f’post fejn suppost jien protetta u xorta ninsab imbeżża’.”

Dan huwa kliem vittma ta’ vjolenza domestika lill-Ministru għall-Ugwaljanza Helena Dalli t-Tnejn filgħaxija wara li kkalmaw l-ilmijiet meta l-aggressur ipprova jħebb għal martu li flimkien ma’ binthom qed tingħata kenn x’xelter għan-nisa vittmi tal-vjolenza domestika.

“Ta’ kuljum irridu nkunu qiegħdin nisimgħu l-karba ta’ dawk il-vittmi, illi l-ħajja tagħhom u l-ħajja tal-familja tagħhom hija infern,” qalet il-Ministru.

Il-Ministru Dalli rrakkontat din l-esperjenza fl-inawgurazzjoni tal-uffiċċju tal-Kummissjoni dwar il-Vjolenza Domestika. Hija qalet li l-aggressur f’dan il-każ ried lit-tifla għax ma riedx li jibqa’ waħdu d-dar.

Sostniet li hu għalhekk li hemm bżonn xelters għall-aggressuri ukoll għax dawn għandhom bżonn il-kura. Qalet li meta Malta rratifikat il-Konvenzjoni ta’ Istanbul, impenjat ruħha li tipprovdi taħriġ speċjalizzat fosthom lill-pulizija u l-ġudikatura.

“Huwa mportanti li min ikun qed iħabbat wiċċu ma’ dawn il-każijiet, ikollu dan it-training speċjali ta’ kif inti timxi f’dawn il-każijiet,” sostniet il-Ministru.

Waqt l-inawgurazzjoni ġie ffirmat ftehim ta’ koperazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika biex tinġabar statistika dwar il-vjolenza domestika. Iċ-Chairperson tal-Kummissjoni, Joe Gerada, qal li b’hekk Malta jkollha statistika aħjar biex tibbaża l-politika tagħha u tkun konformi mal-konvenzjoni ta’ Istanbul u anki ma’ metodoloġiji stabiliti mill-Kummissjoni Ewropea.

Aħbarijiet Oħra
Kultura

Il-Karnival iferraħ lil ħafna nies, minn tfal sa kbar, b’nies bħal Ġeorge Żahra li ilu nvolut fil-Karnival għal nofs seklu. Iħossu qisu tifel meta jasal Frar u jibda r-Renju tal-bluha….

Riċerka

L-użu tal-Malti u l-Ingliż ser jiġi analizzat permezz ta’ serje ta’ seminars organizzati mill-Kunsill Nazzjonali tal-Malti taħt il-patriċinju tal-President George Vella. Thomas Pace, id-direttur tal-Kunsill Nazzjonali tal-Malti qal li l-istudju…

Stejjer Umani

F’Dar Frate Jacoba f’Marsaskala, sibna żewġt itfal qed jiġu mgħallma s-sengħa tar-raħħala, b’nagħġa għadha twelled u qed tisqi lill-frieħ tagħha. Fr Ray Scicluna li ilu jmexxi d-dar qalilna li t-tmint…

Agrikultura

Ras għal ras il-Maltin huma t-tieni l-aktar li jiġġeneraw skart fid-djar tagħhom fl-Unjoni Ewropea. Skont ċifri tal-Eurostat, kull Malti jiġġenera medja ta’ 647kg skart fis-sena. Jaqbżuna biss id-Daniżi li jiġġeneraw…

Aktar