Lokali
“Il-vjolenza domestika naqset matul il-pandemija” – il-Kap Eżekuttiv tal-FSWS

Matul il-pandemija, il-Fondazzjoni għas-Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali innotat anqas każijiet ta’ vjolenza domestika.

Intervistat waqt il-programm TVAM fuq TVMnews+, il-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għas-Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali, Alfred Grixti spjega li l-Fondazzjoni rnexxielha taqta’ l-lista ta’ stennija ta’ nies b’każijiet ta’ vjolenza domestika.

Grixti spjega li l-Fondazzjoni tanalizza xahar b’xahar kemm ikun hemm każijiet ta’ vjolenza domestika. Spjega li fis-sajf, il-każijiet jonqsu għax kulħadd joħroġ u jkun rilassat. Madankollu, malli jiġi Ottubru u żmien il-festi jibdew jiżdiedu l-każijiet. Grixti spjega li dan ifisser li meta wieħed joħroġ, jiddeverti u jixrob iżżejjed jiżdiedu l-każijiet.

Huwa spjega li matul l-imxija n-nies kienu f’darhom u għalhekk naqsu l-każijiet.

Stqarr li sentejn ilu, wara l-omiċidju li ġibed l-attenzjoni ta’ bosta nies, inħolqot kuxjenza kontra l-vjolenza domestika. Hawn, huwa fakkar fin-numru 179 biex kull min jgħaddi minn xi vjolenza domestika jsib l-għajnuna hemm.

F’Awwissu li għadda, fi żjara li kien għamel il-Ministru għall-Ġustizzja Soċjali Michael Falzon fiċ-Ċentru tal-Emerġenza Għabex, li jilqa’ nisa vittmi ta’ vjolenza domestika u lil uliedhom, il-professjonisti kienu qalu wkoll li ma nnotawx żieda fl-ammont ta’ persuni li ġew riferuti għaċ-Ċentru tul żmien il-pandemija.

Ara wkoll:

“Ix-xelter Għabex sar it-tieni dar tiegħi”