Parlament
Il-vot dwar il-mozzjoni għall-inkjesta indipendenti dwar il-qtil ta’ DCG se jittieħed il-ġimgħa d-dieħla

Il-Parlament iddiskuta mozzjoni tal-Oppożizzjoni biex il-Parlament jaħtar Bord ta’ inkjesta dwar il-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia u dwar jekk setgħux ittieħdu miżuri biex jipprevjeni dan il-qtil. Kemm in-naħa tal-Gvern kif ukoll il-Partit Demokratiku resqu emendi għal mozzjoni li l-vot dwar għandu jittieħed f’seduta ohħa l-ġimgħa d-dieħla.

Il-mozzjoni tal-Oppożizzjoni tressqet mid-Deputat Carol Aquilina. Huwa qal li l-Bord ta’ inkjesta għandu jinħatar mill-Prim Minsitru iżda għandu jkun indipendenti minnu u mill-Pulizija. Qal li l-Bord għandu jeżamina jekk l-awtoritajiet kinux konxji tar-riskju li fih kienet il-ġurnalista Daphne Caruana Galizia u miżuri li għandhom jittieħdu għall-protezzjoni tal-ġurnalisti.

Dr Aquilina qal li l-istat għandu l-obbligu li jinvestiga l-qtil lil hinn mill-investigazzjoni kriminali. Huwa żied jgħid li l-inkjesta għandha titlesta fi żmien sitt xhur bir-rapport ikun ippreżentat lill-Ispeaker tal-Parlament u bl-obbligu li jkun ippublikat kollu u minnufih.

Il-Whip tal-Gvern Byron Camilleri wieġeb li barra l-investigazzjoni kriminali hemm ukoll inkjesta bil-Maġistrat dar il-qtil u dan qal juru s-saltna tad-dritt fil-pajjiż. Żied jgħid li l-Gvern irid li l-istituzzjonijiet jagħmlu l-inkjesti u mhux il-politiċi kif trid l-Oppożizzjoni li saħansitra trid tagħżel min ikun fuq il-bord ta’ inkjesta. Qal li wara li l-investigazzjonijiet preżenti jintemmu, il-Gvern ma jeskludix li jagħmel inkjesta pubblika.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia qal li l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia fih innifsu huwa theddida għal-libertà tal-espressjoni. Qal li l-fatt li fil-mozzjoni ssemmiet il-Ministru għal Għawdex ma kinitx intiża lejha personalment. Huwa ikkwota sentenza tal-Qorti Kostituzzjonali li neħħiet ir-raġel tal-Ministru mill-investigazzjoni. Dr Delia akkuża lill-Gvern li jrid jostor il-verità. Huwa qal li f’sitwazzjoni normali wara l-qtil ta’ ġurnalista jirriżenjaw politiċi. Huwa sejjaħ ukoll għar-riżenja tal-Avukat Ġenerali u tal-Kummissarju tal-Pulizija li qal huma għodda f’idejn il-Gvern. Dr Delia temm jgħid li l-Oppożizzjoni se tkun il-leħen tal-ġustizzja fil-pajjiż.

Il-Ministru tal-Ġustizzja Owen Bonnici ressaq emenda għall-mozzjoni tal-Oppożizzjoni li fost oħrajn tagħmel referenza għall-investigazzjonijiet li għaddejjin u tgħid wkoll il-Kamra tinnota r-rieda tal-Prim Minsitru li tissejjaħ inkjesta ulterjuri wara li jitlestew l-investigazzjonijiet li għaddejjin.

Id-Deputat tal-Partit Demokratiku Marlene Farrugia ressqet emenda oħra għal mozzjoni tal-Oppożizzjoni li fiha pproponiet illi titwaqqaf Kummissjoni tal-Verità u ġustizzja mmexxija mill-Kummissarju għad-drittijiet umani tal-Kunsill tal-Ewropa, li taħtar bordijiet ta’ inkjesti li twessagħhom ukoll għall-qtil ta’ Karen Grech u Raymond Caruana.

Fil-bidu tad-dibattitu il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana talbet li tassenti ruħha mid-diskussjoni minħabba li tissemma’ fil-mozzjoni. Hija qalet li f’dan il-ħin trid tkun f’darha tikkonforta lill-uliedha li fl-aħħar sena kellhom jieħdu protezzjoni tal-Pulizija minħabba l-attenzjoni li ntefgħet fuqha u fuq żewġha minħabba x-xogħol tagħhom. Hija qalet li riedet tassigura lil uliedha illi hija u żewġha dejjem qdew dmirhom b’mod korrett u rett u b’lealtà lejn il-ġurament tal-ħatra indipendiment minn xulxin.

Aħbarijiet Oħra
Kronaka

Anzjan ta’ 75 sena residenti l-Pieta’ tilef ħajtu meta waqa’ għoli ta’ tliet sulari. Il-każ seħħ ftit wara s-sebgħa ta’ llejla meta l-anzjan instab mal-art fl-inħawi ta’ ġnien li jinsab…

Lokali

Fil-ġranet li ġejjin, l-awtoritajiet tas-saħħa mistennija jagħmlu funeral tal-foqra lil erba’ persuni, li tlieta minnhom għandhom il-karta tal-identità Maltija li ilhom aktar minn xahrejn abbundannati fil-kamra mortwarja. Ma’ TVM, id-Direttur…

Lokali

Mil-lum il-bdiewa li jkabbru l-patata bdew iħejju l-għelieqi tagħhom wara li fl-aħħar jiem għamlu l-kalkoli tat-telf li kellhom fl-aħħar sena minħabba r-riħ qawwi u s-silġ li niżel fil-grigalata ta’ tmiem…

Aktar