Ekonomija u Finanzi
Il-vouchers il-blu jistgħu jintużaw f’negozji tal-arti, kultura u edukazzjoni

Il-Ministeru għall-Ekonomija qal li l-voucher il-blu ta’ €20 maħruġ diġà jista’ jintuża għand negozji ta’ arti, kultura u edukazzjoni.

Dan tħabbar fi stqarrija b’referenza għat-talba tal-Malta Entertainment Industry and Arts Association, biex fl-eventwalità li jerġgħu jinħarġu l-vouchers, parti minn dawn ikunu jistgħu jintużaw għal attivitajiet relatati ma’ arti u kultura.

Il-Ministeru qal li n-negozji kollha rreġistrati taħt dawn il-kodiċi NACE, f’Lulju li għadda, intbagħtitilhom ittra permezz tal-posta reġistrata biex huma jkunu jistgħu jattivaw il-‘Business Account’ tagħhom fl-applikazzjoni diġitali tal-vouchers sabiex b’hekk huma wkoll ikunu jistgħu jirċievu u jsarrfu dawn il-vouchers.

Il-Ministeru qal ukoll li se jieħu nota tar-rakkomandazzjonijiet l-oħrajn imressqa mill-istess assoċjazzjoni, kif ukoll qed jiġu kkunsidrati aktar miżuri alternattivi li huma intiżi biex jgħinu wkoll lis-setturi tad-divertiment u l-arti.