Brexit
Il-wasla tal-ikel mir-Renju Unit: importaturi Maltin fuq ix-xwiek

Bl-ewwel konsenji tal-ikel mir-Renju Unit wara Brexit mistennija jaslu f’Malta nhar it-Tnejn, l-importaturi tal-ikel qegħdin jaġġustaw għall-proċeduri taf-dwana l-ġodda biex ikunu jistgħu idaħħlu prodotti tal-ikel f’Malta, mir-Renju Unit.

Television Malta tkellem ma’ żewġ importaturi ewlenin tal-ikel mir-Renju Unit dwar l-impatt li qiegħda tħalli Brexit fuq l-industrija tal-importazzjoni tal-ikel, l-aktar fuq l-ikel li jkun ġej mill-annimali.

Minkejja li ma hemmx dazju fuq l-ikel imkabbar jew prodott mir-Renju Unit, xorta waħda kull konsenja trid tiġi dikjarata. Barra minn hekk, bi Brexit, kull konsenja ta’ ikel li jkun ġej mill-annimali, trid tiġi approvata minn veterinarju qabel titlaq mir-Renju Unit.

David Aquilina, li huwa wieħed mill-importaturi ewlenin tal-ikel mir-Renju Unit, qal li l-akbar burokrazzija li qegħdin jaffaċjaw hija fir-Renju Unit, minħabba li ma għandhomx biżżejjed veterinarji biex ilaħħqu mal-esportazzjoni.

“Għandna trailer ġej il-ġimgħa d-dieħla, ilbieraħ nirċievi email li ser ineħħuli l-ikel kollu li fih l-annimali, ġifieri li fih tjur, ċanga, għar-raġuni li m’għandhomx veterinarji biżżejjed. Ma jistgħux joħorġuli ċ-ċertifikat, allura biex ikunu siguri qabdu u neħħewli l-maġġor parti minnha,” qal is-Sur Aquilina.

John Schiavone, li jieħu ħsieb il-loġistika u t-trasport għall-kumpanija tal-importazzjoni, qal li minħabba li r-Renju Unit kellu jistabilixxi sistema tad-Dwana indipendenti minn dik tal-Unjoni Ewropea, qiegħed ikun hemm dewmien fil-proċess biex prodotti mir-Renju Unit jaslu Malta.

“Il-proċess huwa naqra kkumplikat u twil u ovvjament, wieħed jagħti każ ukoll, għandek il-problema tal-COVID-19, u allura għandek ċertu nuqqas ta’ staff f’ċertu dipartimenti u azjendi u allura l-proċess qiegħed jitwal ukoll,” spjega s-Sur Schiavone.

L-impurtaturi tal-ikel li tkellmu ma’ Television Malta qalu li minkejja li impurtaw aktar mis-soltu f’Diċembru biex jilqgħu għat-tibdil ta’ Brexit, ma setgħux jagħmlu l-istess fir-rigward ta’ prodotti friski li jiskadu f’temp ta’ ġimagħtejn. Konsegwenza t’ hekk f’ċertu ħwienet jaf ikun hemm nuqqas ta’ prodotti friski mir-Renju Unit.

Id-Dwana Maltija qalet li min-naħa tagħha daħħlet sistemi ġodda biex tkun tista’ tipproċessa f’ħin qasir kemm jista’ jkun id-doppju tad-dokumenti meħtieġa. Dan bil-għan li l-importaturi ma jesperjenzawx dewmien mingħajr bżonn.

Id-direttur għall-affarijiet internazzjoni tad-Dwana Maltija, Ian Muscat, spjega kif filwaqt li d-dikjarazzjoni tad-dwana fil-biċċa l-kbira tal-każi ssir f’Malta, hekk kif il-verifika taċ-ċertifikazzjoni tal-ikel trid issir hekk kif jidħlu fl-Ewropa.

Dan ifisser li bi Brexit l-impurtaturi tal-ikel Maltin li jwasslu l-konsenja tagħhom permezz tat-trailers, iridu jiefqu għall-verfiki tad-dokumenti fir-Renju Unit, fil-pajjiż li fih il-konsenja tidħol l-Ewropa u hekk kif jasal Malta.