Lokali
Il-wasla tas-Slaten Maġi fix-Xagħra f’Għawdex

F’Għawdex, ix-Xagħra hu mlaqqam “ir-raħal tal-Milied” minħabba l-ammont kbir ta’ presepji esebiti u attivitajiet organizzati fil-komunità biex titfakkar waħda mill-akbar festi tal-Knisja Kattolika. Ir-raħal żamm it-tradizzjoni li fil-festa tal-Epifanija jorganizza fil-pjazza ta’ quddiem il-knisja rappreżentazzjoni tal-wasla tas-slaten Maġi.

F’temp sabiħ iżda bir-riħ, il-Ħadd filgħodu x-Xagħrin u oħrajn imlew Pjazza Vittorja biex isegwu l-wasla tat-tliet Slaten Maġi rekbin fuq iż-żwiemel. Fit-taraġ taż-żuntier tal-bażilika: il-familja mqaddsa u r-rgħajja madwar it-tarbija li rrappreżentat lil Ġesù Bambin.

Il-Maġi niżlu minn fuq iż-żwiemel u resqu biex jaduraw lil Ġesù waqt li joffrulu rigali: Id-deheb li jissimbolizza s-setgħa ta’ sultan, l-inċens li jissimbolizza l-qassis il-kbir u l-mirra tħabbar id-difna tal-Mulej.

L-Arċipriet, Monsinjur Carmelo Refalo, qal li għalkemm din tidher xi ħaġa tradizzjonali, il-festa li ġiet iċċelebrata llum fiha simbolu ta’ tfittxija. Spjega li fl-isfond tal-konfużjoni u t-taħwid, f’qalbu l-bniedem qed ifittex biex jagħti sens jew jikseb dawl fid-direzzjoni ta’ ħajtu.

Il-Mons Carmelo Refalo, Arċipriet tax-Xagħra qal “is-solennità tal-Epifanija anki f’dak kollu li rajna llum, it-tfittxija ta’ nies li ġew mill-Persja jiġifieri għamlu mixja kbira, mhix għajr il-mixja ta’ kull bniedem li fil-moħħ jistaqsi, jirraġuna, jagħmel ċerti domandi imma mbagħad ipoġġihom f’qalbu meta jsib risposta. U naħseb li hemmhekk hemm sinifikat kbir għax il-bniedem ikun sab id-direzzjoni ta’ ħajtu.”

Il-“Cavalcata dei Re Magi” kif inhi magħrufa fix-Xagħra, ilha tiġi organizzata mill-2010.