Ambjent
Il-Wasteserv b’iktar spetturi biex issaħħaħ il-kontrolli tar-rimi tal-iskart

WasteServ saħħet it-tim tal-Waste Acceptance Unit tagħha bl-ingaġġ ta’ iktar spetturi li se jkunu qed jaraw li l-iskart li jidħol fil-faċilitajiet tagħha jintrema kif suppost.

Dan tħabbar fi stqarrija mill-Ministeru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar wara żjara li l-Ministru Aaron Farrugia għamel fil-kumpless ECOHIVE fejn iltaqgħa mal-ispetturi ġodda.

Il-Ministru Farrugia spjega kif dawn l-ispetturi se jkollhom ukoll l-irwol importanti li jirrapurtaw kull ksur tar-regoli l-ġodda tas-sit li se jidħlu fis-seħħ mil-lum. Dawn ir-regoli huma maħsuba biex jiżguraw is-sigurtà ta’ dawk kollha li jagħmlu użu mill-faċilitajiet tal-WasteServ sabiex jitnaqqas ir-riskju ta’ inċidenti. Il-Ministru qal li bl-ingaġġ ta’ iktar spetturi, il-WasteServ kważi rdoppjat in-numru ta’ spezzjonijiet. Dan irriżulta f’aktar monitoraġġ li jiżgura li l-iskart jiġi mormi kif suppost.

Iċ-Chairperson tal-Wasteserv Profs Frank Bezzina qal li l-Wasteserv qiegħda kontinwament itejjeb l-operat tagħha, u li r-regoli l-ġodda tas-sit se jkunu qed ikomplu jtejbu s-sistema ta’ infurzar fil-faċilitajiet tagħha.

Il-Kap Eżekuttiv tal-WasteServ Richard Bilocca spjega kif l-irwol tal-ispetturi huwa li jiċċekkjaw viżwalment l-iskart li nirċievu, inkluż l-iskart li jmur fil-miżbla. Jittieħdu wkoll ritratti ta’ dan l-iskart waqt il-ħatt bħala evidenza biex jiġi aċċertat li dan hu konformi mad-dikjarazzjoni tal-iskart magħmula mill-kolletturi huma u diħlin.