Kultura
Il-wirt storiku u kulturali tal-Kalkara issa jista’ jiġi apprezzat aħjar

Fil-Kalkara ġie inawgurat Heritage Trail bil-għan li jippromwovi l-wirt storiku u kulturali ta’ din il-lokalità b’mod innovattiv u aktar attraenti għall-Maltin u t-turisti. Dan il-proġett sar b’fondi Ewropej u mill-fondi għall-għaqdiet volontarji.

It-turisti u Maltin jistgħu jgawdu minn Heritage Trail bi ħmistax-il stand imwaħħla f’siti importanti fil-Kalkara, b’informazzjoni mnaqqxa fuqhom bil-Malti u bl-Ingliż, kif ukoll kodiċi QR li jwassal lill-utent għal ritratti u informazzjoni addizzjonali online.

Il-kordinatur tal-proġett, Etienne Camilleri, qal li l-għan tal-assoċjazzjoni Wirt il-Kalkara, kien li jpoġġi r-raħal tal-Kalkara fuq il-mappa bħala destinazzjoni turistika. Qal li tmenin fil-mija tal-proġett huwa ko-finanzjat b’fondi Ewropej, filwaqt li 20% l-oħra ġejjin mill-fond għall-għaqdiet volontarji.

Tnieda wkoll sit elettroniku ġdid: www.visitkalkara.com, fejn minbarra li tista’ titniżżel l-istess mappa, wieħed jista’ jaċċessa informazzjoni dwar l-istorja tal-Kalkara u tagħrif ieħor biex jgħin lill-utent jinteraġixxi u jintegra fil-komunità u n-negozji lokali.

Fl-istess proġett ġiet iddisinjata u stampata mappa turistika tal-Kalkara mid-disinjatur Alfie Gatt, li hija disponibbli b’xejn fil-ħwienet tal-lokalità u kjosks ta’ informazzjoni għat-turisti li jinsabu madwar Malta u Għawdex.

Fl-inawgurazzjoni tal-proġett, is-Segretarju Parlamentari fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru responsabbli mill-Fondi Ewropej, Stefan Zrinzo Azzopardi, qal li permezz ta’ fondi mill-programm LEADER tal-Unjoni Ewropea, dan il-proġett se jippromwovi l-wirt storiku u kulturali ta’ din il-lokalità b’mod innovattiv u aktar attraenti, kemm għaż-żgħażagħ u anke għat-turisti li jiġu jżuru din il-lokalità.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Għaqdiet Volontarji, Clifton Grima, qal li permezz tal-Fond ta’ Ko-Finanzjament għall-Għaqdiet Volontarji, aktar għaqdiet volontarji qed ikollhom iżjed opportunitajiet biex jaċċessaw fondi Ewropej u qed jiġu gwidati lejn diversi programmi ta’ finanzjament Ewropew skont l-intervent tal-proġett.