Lokali
ARA: Ftehim storiku dwar ir-restawr u l-iżvilupp ta’ Manoel Island

Il-Kunsill Lokali tal-Gżira u l-kumpanija MIDI laħqu ftehim li permezz tiegħu twaqqfet il-Fondazzjoni Manoel Island, li se tkun qed topera bla qligħ biex tindokra r-restawr u l-iżvilupp li se jsir f’dan is-sit.

Permezz tal-Ftehim tal-Ħarsien ta’ Manoel Island, MIDI hija obbligata li tirranġa l-parti li ddawwar il-Forti Manoel biex tinbidel f’park ta’ madwar 80,000 metru kwadru, li se jkun aċċessibbli għall-pubbliku.

L-ewwel Chairperson tal-Fondazzjoni, Claire Bonello qalet li dan il-ftehim hu prova li bi djalogu kostruttiv jinstabu is-soluzzjonijiet.  “Il-Manoel Island Foundation ħa tieħu ħsieb li dejjem ħa jkun hemm aċċess pubbliku għall-gżira, li l-green areas ħa jiġu ritenuti bħal green areas, li mhux ħa jkun hemm kummerċjalizzazzjoni ta’ dawn il-green areas, li mhux se jinbena aktar mil-limitu ta’ sulari fil-Guardianship Deed,” kompliet tgħid Dr Bonello.

Iċ-Chairman ta’ MIDI, Alec Mizzi qal li dan is-sit jistħoqqlu trattament uniku u kollaborattiv li jitħares fit-tul.  “Issa għandna commitment lejn il-komunità kollha u b’dawn l-għassiesa, b’dan il-guardianship agreement, li jkun jista’ jassigura li dak li qed nobligaw ruħna llum jibqa’ dejjem iseħħ,” żied jgħid is-Sur Mizzi.

Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li dan il-ftehim hu pass sinifikanti li għandu jservi ta’ mudell għar-relazzjonijiet bejn il-komunità u l-investituri kull fejn hemm kunflitt bejn l-iżvilupp u l-ambjent. Dr Muscat qal li l-Gvern kellu għażla li jew ma jagħmel xejn jew jiffaċilita li tinstab soluzzjoni xierqa għal kulħadd.

Dan il-ftehim intlaħaq sena u nofs wara li l-Kunsill Lokali tal-Gżira u attivisti favur l-ambjent għamlu pressjoni u pprotestaw biex il-pubbliku jkollu aċċess għax-xatt ta’ Manoel Island. Is-Sindku tal-Gżira, Conrad Borg Manche’ qal li dan hu jum storiku għall-Gżirjani.

“Ftehim li ovvjament hu ta’ benefiċċju kemm għar-residenti kif ukoll għad-developers jiġiferi l-ftehim jinkorpora d-drittijiet kollha u kollox bil-miktub,” sostna s-Sindku Borg Manche’.

Il-ftehim jassigura wkoll li x-xatt se jibqa’ aċċessibbli għan-nies fil-ħinijiet kollha, waqt li l-MIDI ntrabtet li titlaq minn idha l-inħawi li għall-bidu kienu indikati għall-irmiġġ u minflok se jkun hemm żoni għall-għawm.

Il-Forti Manoel se jkun il-qofol tal-proġett, bil-MIDI qed tintrabat li mhux se jiġi żviluppat f’lukanda imma se jkun ċentru kulturali, bi ħwienet u ristoranti.

Ara wkoll:

ARA: Kif se ssir Manoel Island?

Il-Gżirjani u l-MIDI jagħmlu paċi dwar Manoel Island

Aħbarijiet Oħra
Lokali

Il-Professur Alan Deidun qal li fl-ibħra Maltin feġġet ħuta invażiva magħrufa bħala Siganus Luridus jew Qawsalla. Fuq Facebook, Prof Deidun spjega li l-ħuta oriġinat fil-Baħar l-Aħmar u l-Oċean Indjan. Hija ġiet…

Aktar