Lokali
Ilha 20 sena tarma fuq il-monti – tittama li l-bejjiegħa ma jibqgħux jarmaw u jżarmaw kuljum

Xogħol li jitlob li min jagħmlu jbakkar minn kmieni filgħodu, iżda li fih ukoll is-sodisfazzjon tiegħu. Melanie Saliba ilha tarma l-monti ‘l fuq minn għoxrin sena. Ma’ TVM, Melanie wriet ix-xewqa li l-bejjiegħa tal-Monti ma jkollhomx għalfejn jarmaw u jżarma kuljum jekk ikollhom bankarelli permanenti.

Melanie Saliba tbakkar kmieni kuljum biex tarma l-monti kif ilha tagħmel għoxrin sena. Minn ċkunitha kienet tmur tgħin lil missierha li kien jarma l-monti tal-Belt.

Melanie Saliba qalet “dak iż-żmien konna narmaw bid-drappijiet. Konna narmaw quddiem il-Kon Katidral ta’ San Ġwann. Kien żmien sabiħ ħafna. Kelli tilar jiġifieri ta’ tifla, waħdi bid-drapp jiġifieri u nkejjel bil-metru. Kien żmien sabiħ.” Mistoqsija meta bdiet tarma waħedha, Melanie qalet “u mbagħad ħriġt mill-iskola u minn dejjem ridt dan ix-xogħol, allura bdejt mill-ewwel.”

Melanie tgħid li tħobb dax-xogħol għax tiltaqa’ ma’ ħafna nies differenti kuljum. Tammetti iżda li dan ix-xogħol fih ħafna sagrifiċċji, fosthom għax trid tqum kmieni ħafna u jkollok trid jew ma tridx ikollok tiddependi fuq il-burdati tat-temp.

“Sagrifiċċji kbar għax inti qiegħed barra jiġifieri l-elementi tat-temp ġo fik. Jekk is-sajf is-sħana. L-agħar fix-xitwa, il-maltemp jeħodlok saħħtek eh. Ħafna kiefer” qalet Melanie.

Melanie Saliba appellat lill-awtoritajiet biex ikomplu d-diskussjonijiet fuq il-bankarelli tal-Monti.

Melanie qalet “aħna nixtiequ li jkollna kmamar kollha pariġġ, uniformi u jkunu fixed fil-post. U peress li ġol-Belt Valletta u faċċata tal-Parlament, bix-xieraq ikollna xi ħaġa tajba għall-Belt hawnhekk.”

Qalet li kemm ilhom jarmaw ħdejn il-Parlament, il-bejjiegħa tal-monti jħossu li sejrin tajjeb.

Aħbarijiet Oħra
Lokali

Għandha 19-il sena u ma’ TVM irrakkuntat it-trawma kbira li għaddiet minnha minħabba dak li sejħet estremiżmu fit-twemmin ta’ komunità Nisranija. Amy Attard tirrakkonta kif minħabba hekk qed jitkissru għadd…

Riċerka

Il-lenti tal-kamera provdiet għodda lill-fotografi matul is-snin, biex bir-ritratti tagħhom iħallu xhieda tal-passaġġ tal-istorja. Il-fotografu professjonali Kevin Casha ġabar riċerka fuq kważi mitejn sena ta’ fotografija f’pubblikazzjoni li fiha ritratti…

Ippjanar u bini

Proġett li jekk ikun approvat mistenni jbiddel il-kunċett tat-trasport u l-presenza tal-vetturi fit-toroq. Studju dwar il-possibbiltà ta’ proġett ta’ Metro jew Monorail mistenni jkun ippublikat dalwaqt bil-Prim Ministru Robert Abela…

Politika

Id-19-il deputat tal-Grupp Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista qalu li f’kull deċiżjoni li qed jieħdu qed jiżguraw li jpoġġu l-interessi tat-tesserati, tal-Partit kif ukoll tal-pajjiż fuq quddiem. Tkompli l-istennija għal direzzjoni mill-President…

Aktar