Lokali
Ilha 7 snin ma toħroġ biex tieħu ħsieb lil missierha bid-dimensja

Ilha 13-il sena tiddedika ħajjitha għall-ġenituri tagħha u bil-kemm toħroġ mid-dar, l-iktar għax missierha ibati bid-dimensja. TVM ltaqa’ ma’ Betty Barbara li tieħu ħsieb lil missierha Ġużi li minħabba d-dimensja ma jagħrafx li hi bintu. Ftit tal-jiem ilu Betty ingħatat premju ta’ carer informali waqt il-premju nazzjonali fil-qasam tad-dimensja mis-Segretarjat Parlamentari għad-Diżabilità u Anzjanità Attiva.

Betty Barbara fejn tgħix ma’ ommha Salvina u missierha Ġużi. Sibnieha tfiehem bil-ħlewwa lil missierha li għandu bżonn jixrob, u li l-ħobż li hemm fuq il-mejda mhu se joħodulu ħadd. Dan għaliex Ġużi għadu jisħajjel li qiegħed fi żmien il-gwerra u jibża li jispiċċa bil-ġuħ.

Betty irtirat mix-xogħol 13-il sena ilu biex tieħu ħsieb lill-ġenituri tagħha, missierha li għandu 87 sena, u ommha ta’ 89 sena. Qaltilna li seba’ snin ilu, id-dimensja ħakmet lil missierha u kawża tagħha spiċċa bħal jgħix f’dinja iżolata. La baqa’ jagħraf lilha bħala bintu, la lil martu, u lanqas lil bintu l-oħra u t-tfal. Betty qaltilna li hija ta’ wġiegħ ta’ qalb li missierha ma jagħrafhiex, u toħlom li xi darba forsi jgħajjat isimha.

“Meta xi darba jirrealizza li jien it-tifla tiegħu jien nibki ħafna” qalet Betty.

Betty tieħu ħsieb lill-ommha u missierha b’dedikazzjoni kbira u qajla toħroġ mid-dar ħlief biex tixtri l-bżonnijiet minn ħanut tal-merċa, jew bis-serqa biex tmur il-Quddies. Minkejja li dejjem ġewwa, u qajla torqod matul il-lejl għax missierha jqum ta’ spiss Betty tħossha fil-paċi u kuntenta.

“Il-ħruġ mal-ħbieb insejtu, l-unika free time filgħodu meta nara l-ġirien, shopping u l-quddiesa ta’ kuljum”.

Omm Betty, Salvina tħossha wisq li żewġha la jagħraf lilha u lanqas lil uliedha.

Salvina qalet “jgħidli m’għandix tfal, hemm għafsa ta’ qalb trid u ma tridx meta niftakar kemm kien iħobbhom”.

Ftit tal-jiem ilu Betty ngħatat il-premju ta’ carer informali waqt l-għoti tal-premju nazzjonali fil-qasam tad-dimensja mis-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva Anthony Agius Decelis. Miġbura mal-ġenituri tagħha, minkejja s-sagrificji kollha li tagħmel għalihom, tispikka t-tgħanniqa ħelwa li Betty tagħti lil missierha Ġużi biex isserraħlu rasu li mhi se titilqu qatt.

Aħbarijiet Oħra
Konsumatur

L-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur wissiet lill-pubbliku biex ma jikolx il-prodott ‘Ful imqaxxar’ tad-ditta ‘Mill-Kċina taz-Zija’ li jinstab f’pakketti ta’ 450g. Il-lott tal-prodott huwa CA26419 u għandu d-data ta’…

Qorti

L-Avukat Edward Gatt qal li meta tingħata maħfra Presidenzjali, qatt ma jista’ jkun hemm serħan il-moħħ totali, iżda mingħajr maħfra jista’ jkun li qatt ma jkun hemm żblokk biex il-prosekuzzjoni…

Ekonomija u Finanzi

Bejn illum u l-Ħamis qed jitlaqqa’ f’Malta l-forum dinji dwar il-kannabis mediċinali. Illejla indirizza l-forum il-Prim Ministru Joseph Muscat, li ta ħjiel dwar dak li Malta qed tistenni minn din…

Ekonomija u Finanzi

Rudolph Psaila huwa ċ-Chairman il-ġdid ta’ FinanceMalta; entità pubblika-privata ta’ mwaqqfa biex tippromwovi lil Malta bħala ċentru finanzjarju internazzjonali. Il-ħatra tas-Sur Psaila, minflok is-Sur Kenneth Farrugia li kien ilu tmien…

Aktar