Lokali
Ilha 8 xhur Londra tistenna trapjant tal-fwied

Fl-ewwel disa’ xhur ta’ din is-sena ftit aktar minn ħames mija u ħamsin pazjent marru għall-kura barra minn Malta. TVM iltaqa’ ma’ Helen Caruana li tinsab Londra tistenna trapjant tal-fwied u fuq ix-xwiek għal dik it-telefonata li se tbiddlilha ħajjitha.

Helen Caruana qalet “jiena f’siegħa filli hawn filli le – lejl u bin-nhar dejjem nistenna. M’għandix moħħi mistrieħ. Nistenna t-telefon biex immur nagħmlu. Ikun xħin ikun u nkun fejn inkun f’siegħa rrid nasal l-isptar”.

Helen Caruana hija waħda mill-mijiet ta’ Maltin li kull sena l-Gvern jibgħathom għall-kura l-Ingilterra. F’dan il-każ hija qed tistenna trapjant tal-fwied.

Helen ilha Londra għal dawn l-aħħar tmien xhur u għalkemm dan iż-żmien faċilment jitqies eternità, it-tbissima u l-kuraġġ tagħha jgħinuha tegħleb din l-isfida kbira. Kważi tliet snin ilu neħħewla tumur zghir. Kollox mar sew, imma iktar tard qalulha li aħjar tagħmel it-trapjant.

Helen qalet “kien il-Valentine’s eżatt meta qaluli. Ma tantx teħodha sew ħa ngħiduha imma biż-żmien trid toqgħod u ma jkunx hemm x’tagħmel. Trid tagħmilha żgur.”

Helen, Karkariza, għandha 58 sena. Akkumpanjata dejjem minn żewġha Lawrence li ħalla anke xogħlu biex jibqa’ spalla ma spalla magħha. Jgħid li kull għajnuna tgħodd anke dik li tagħti l-fondazzjoni Malta Community Chest Fund.

Lawrence Caruana qal “qisek qiegħed id-dar. Barra minn pajjiżek u barra minn darek tħossha ħafna. In-nuqqas tal-familja iktar u iktar.”

F’Londra il-koppja Caruana qed toqgħod mas-sorijiet tal-Franġiskani. Sister Sylvia Borg qalet li jgħixu kull esperjenza tal-pazjenti Maltin li jitilgħu għall-kura.

Sister Sylvia Borg qalet “meta jcemplulhom qisek bħal meta għandek il-missierek jew lil ommok qed jistnennew operazzjoni u inti għandek dak l-eċitament l-istess bħalhom.”

Il-fondazzjoni Malta Community Chest Fund bħalissa qed tgħin żewġ pazjenti oħra li qed jistennew trapjant tal-fwied – l-iżgħar waħda ta’ sentejn filwaqt li pazjent ieħor ilu minn Jannar f’Palermo jistenna li jsirlu trapjant tal-pulmun.

Aħbarijiet Oħra
Kultura

Statwa tal-Madonna li kellha tagħmel il-wisa’ għall-proġett tal-Kappara se tirritorna fl-inħawi f’niċċa ferm isbaħ. Ix-xogħol fil-ġebla miexi ġmielu bil-għan li fi żmien tliet xhur, fil-ġenb tal-pont ikun hemm niċċa monumentali…

Politika

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista, Adrian Delia, allega li l-ħaddiema barranin qed jaħdmu b’kundizzjonijiet anqas mill-prekarjat. Waqt attività politika f’Tas-Sliema bħala parti mill-Kunsill Ġenerali, Dr Delia qal li l-Gvern qed…

Qorti

Raġel Malti talab lill-Qorti tal-Familja tagħtih il-kustodja ta’ bintu ta’ 4 snin li spiċċat tgħix fi sptar mentali fl-Iżvizzera flimkien m’ommha. Il-Qorti semgħet kif l-omm, li hija Ġermaniża, kellha problemi…

Unjoni Ewropea

Il-Gvern ħabbar li nnomina tliet kandidati għall-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, hekk kif it-terminu tal-Imħallef Vincent A. De Gaetano se jiġi fi tmiemu lejn l-aħħar ta’ Settembru ta’ din is-sena. Fi…

Aktar