Lokali
Illiberalizzat is-servizz ta’ fast ferry bejn Malta u Għawdex

Is-servizz ta’ fast ferry bejn l-Imġarr, Għawdex u l-Belt ġie liberaliżżat. Il-Ministru Ian Borg qal li is-servizz se jibda jopera mill-ewwel ta’ Ġunju bi vjaġġi li jridu jsiru f’inqas minn 45 minuta. Żied jgħid li l-Gvern se jkun qed jinvesti 5 miljun ewro fuq żewġ mollijiet u faċilitajiet għall-passiġġieri. Il-Ministru Clint Camilleri qal li ħaddiema u studenti Għawdxin li jkollhom jiġu Malta għal xogħol jew studju se jibqgħu jingħataw rifuzjoni.

Il-Gvern illiberalizza s-servizz ta’ fast ferry bejn Malta u Għawdex. Il-Ministru Ian Borg ħabbar li s-servizz jistà jibda mill-ewwel ta’ Ġunju, u se jopera minn moll fl-Imġarr Għawdex u moll ieħor bejn il-pixkerija l-antika u d-dwana fil-Port il-Kbir. Għal dawn iż-żewġ siti, l-Gvern se jinvesti €5 miljun u l-permessi għalihom huma maħruġa. F’dawn il-mollijiet se jkun hemm faċilitajiet għall-passiġġieri fosthom dawk sanitarji u minn fejn jinxtraw il-biljetti għall-vjaġġ. Dr Borg qal li s-servizz se jkun bla waqfien u jrid isir f’inqas minn 45 minuta.

“Ħallejna il-kriterji miftuħa. Hemm operaturi bażiċi x’jintlaħqu. Inħares ‘il quddiem li s-servizz jibda jkun offrut mhux minn operatur wieħed jew tnejn imma iktar ma jkun hemm iktar in nies ikollhom minn fejn jagħżlu x’jużaw.”

Il-Ministru Borg qal li min juża das-servizz se jkun jista’ juża l-lift tal-Barrakka b’xejn, bil-għan huwa li jkun hemm aktar konnettivita ta’ trasport ma’ dan is-servizz.

Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri qal li ħaddiema u studenti Għawdxin li jkollhom jigu Malta għal xogħol jew studju se jibqgħu jingħataw rifuzjoni.

“Bħalma bħalissa l-Gvern jgħin b’rifużjoni għall-passiġġier li jaqbdu l-Gozo Channel, se nagħmlu l-istess bl-istess capping għal dawk li jużaw il-fast ferry.”

Transport Malta se tobbliga li l-informazzjoni tas-servizz tat-trasport pubbliku tkun disponibbli ghal kull operatur b’mod ekwu. L-operaturi se jkunu eliġibbli għal ezenzjonijiet fuq dazju tas-sisa bħala inċentiv għal min jidħol biex jopera s-servizz.