Divertiment
Illejla jkompli L-Għarusa – Kif mietet Bettina?

Illejla fuq TVM stennija kbira għat-tkomplija tal-aħħar tlett episodji tad-drama L-Għarusa li minħabba l-Covid 19 kellha titwaqqaf f’Marzu li għadda, fejn minħabba miżuri ta’ mitigazzjoni kellu jitwaqqaf il-filming. Il-produtturi tal-Għarusa Steven Dalli u Justin Farrugia qalu li f’dawn l-aħħar episodji se tinqata’ l-kurżità ta’ kif mietet Bettina, u ħafna kurżitajiet oħra li qabel kienu moħbija. L-Għarusa kienet l-iktar drama segwita mill-istazzjonijiet kollha.

Mill-lejla, eluf kbar ta’ telespettaturi se jibdew jaqtgħu l-kurżitajiet li kellhom dwar l-istorja tal-Għarusa, l-iktar drama segwita fil-pajjiż, u li kellha titwaqqaf ħesrem f’Marzu li għadda minħabba Covid 19. Id-drama tinvolvi ‘l fuq minn 35 attur, bil-produtturi Steven Dalli u Justin Farrugia qalulna li minkejja li kienet għafsa ta’ qalb li kellhom jieqfu jxandru l-Għarusa, fiċ-ċirkostanzi li konna fihom, il-saħħa tiġi l-ewwel.

“Deċiżjoni iebsa ħafna, atturi ġejjin minn all walks of life, ħabba s-saħħa tal-crew u cast, ppreferejna li kulħadd jieħu ħsieb lilu u l-familja”.

Il-filming tat-tlett episodji tal-Għarusa, li fil-maġġor parti tiegħu kien qed isir fil-Palazz Verdala l-Buskett, kompla f’Ġunju li għadda biex it-telespatturi mil-lejla jibdew isibu tarf ta’ min qatel lill-għarusa Bettina, li fl-ewwel xena rajnieha mgħarrqa ġo vaska.

“Ħa nkunu nafu dil-kobba kif spiċċata Bettina, il-livell ta’ relazzjonijiet kif se jispiċċaw, u ma nistax nikxef ħafna”.

Għall-produtturi tal-Għarusa u għall-kittieba Audrey Brincat Dalli, huwa sens ta’ sodisfazzjon meta produzzjoni oħra minn tagħhom għamlet suċċess.

“Kienet esperjenza tal-ġenn, livell tat-talent diffiċli biex tikkontrollah għax kulħadd għandu moħħ straordinarju on set, ħa nimmissjah.”

Sharp Shoot Media qalu li wara l-Għarusa se jieqfu għal sena biex ikunu jistgħu jaħsbu fil-proġett li jmiss.

“Għandna ideat, bħalissa nistudjaw x’jaħdem u x’ma jaħdmix, l-epoka u stil ta’ filming, storja”.

L-ewwel mit-tlett episodji se jintwera llejla wara l-aħbarijiet tat-tmienja fuq TVM, bl-aħħar episodju jintwera fit-22 ta’ Settembru.