Knisja Maltija
Illejla: L-ingress tal-Isqof il-ġdid fil-Katidral ta’ Għawdex

Wara kważi ħmistax-il sena jmexxi l-Knisja f’Għawdex, f’dawn il-ġranet l-Isqof Mario Grech se jibda l-ħidma ġdida li tah il-Papa Franġisku bħala Segretarju Ġenerali tas-Sinodu tal-Isqfijiet. Hu se jieħu post il-Kardinal Lorenzo Baldisseri li se jirtira bl-età minn din il-kariga. Fil-Vatikan, l-Isqof Grech hu wkoll membru tal-Kunsill Pontifiċju li jippromwovi l-għaqda fost l-insara.

Intant, għada, f’għeluq il-mija, sitta u ħamsin sena mit-twaqqif tad-djoċesi ta’ Għawdex, l-Isqof il-ġdid Anton Teuma se jagħmel l-ingress solenni fil-Katidral.

Parti mir-ritwal f’ħatra ta’ Isqof ġdid ta’ djoċesi jinvolvi li jagħmel l-ingress solenni fil-Katidral li ħafna drabi jseħħ fl-istess ġurnata li jiġi kkonsagrat Isqof. Minħabba ċ-ċirkustanzi tal-pandemija, il-konsagrazzjoni tal-Isqof il-ġdid ta’ Għawdex, Monsinjur Anton Teuma, saret fir-rotunda tax-Xewkija billi hija l-aktar knisja spazjuża f’Għawdex.

Għalhekk l-ingress solenni fil-Katidral ser isir illum l-Erbgħa 16 ta’ Settembru meta jieħu wkoll il-pussess tal-katedra, li tfisser is-sedja jew is-siġġu li fuqu jpoġġi l-isqof. Minnu toħroġ il-kelma Katidral, li hi s-sede tal-Isqof fid-djoċesi tiegħu. Simbolikament din tfisser il-missjoni tiegħu ta’ ragħaj u għalliem tal-Knisja lokali f’isem Kristu stess, ir-Ragħaj il-Kbir.

Għal din l-okkażjoni li se tixxandar dirett fuq TVM2 fis-6.30 p.m., saret produzzjoni mill-Kor Djoċesan taż-Żgħażagħ ta’ kanzunetta miktuba minn Francesco Pio Attard u b’mużika ta’ Richard Grech. Bit-tema “Ibqa’ Magħna”, il-lirika hi mibnija fuq il-motto magħżul mill-Isqof Teuma għall-episkopat tiegħu “U baqa’ miexi magħhom”, meħud mir-rakkont tad-dixxipli ta’ Għemmaws.

Iċ-ċerimonja se ssir f’jum it-tifkira tat-twaqqif tad-Djoċesi ta’ Għawdex, avveniment li seħħ nhar is-16 ta’ Settembru 1864. F’din id-djoċesi hemm 15-il parroċċa u 106 saċerdoti, bejn dawk attivi jew irtirati minħabba l-età jew mard. Hemm imbagħad 42 saċerdot Għawdxi barra minn Malta, fosthom f’artijiet tal-missjoni. Ħames Isqfijiet Għawdxin qed iservu l-Knisja barra minn Malta – 2 f’xogħol tal-Vatikan u l-oħrajn fil-Libja, il-Ħonduras u l-Perù. Dan apparti diversi reliġjużi, irġiel u nisa, li qed jadu l-Knisja lokali u f’kontinenti oħra.

U fis-Seminarju t’Għawdex bħalissa hemm għaxar żgħażagħ fil-formazzjoni biex ikunu saċerdoti. Il-Knisja f’Għawdex hi impenjata wkoll f’diversi ħidmiet soċjali bħall-Caritas u l-Fondazzjoni Arka; u fl-edukazzjoni b’żewġ skejjel sekondarji u erba’ fil-livell primarju.

Aħbarijiet Oħra

Il-Partit Laburista qal li r-rapport ta’ diliġenza dwar Adrian Delia u Bernard Grech juri li ż-żewġ kandidati għall-elezzjoni mhumiex idonji għall-kariga ta’ Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista. F’konferenza tal-aħbarijiet, il-President…

Il-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna, qal li fil-Budget tas-sena d-dieħla il-Gvern ser ikompli jgħin lill-familji, pensjonanti u negozji minkejja li jinsab f’morsa finanzjarja kawża tal-pandemija. Fost il-miżuri li ser ikunu parti…

Wara li s-sena l-oħra, Duncan Laurence rebaħ il-Eurovision l-Olanda kienet ħerqana sabiex tospita u torganizza l-Eurovision 2020. Madankollu, minħabba l-COVID-19 il-pjanijiet ma marrux kif wieħed xtaq u stenna. Il-pandemija waslet…

Il-Prim Ministru Robert Abela ltaqa’ mal-plejer Maltija ta’ US Sassuolo, Haley Bugeja, fil-Berġa ta’ Kastilja. Il-Prim Ministru tenna li Bugeja qed tagħmel mhux biss isem għaliha, iżda anke isem għal…

Aktar