COVID-19
It-tilqima Moderna fi triqitha lejn Malta

Ftit tal-ħin ilu fuq Twitter, id-deputat Prim Ministru u Ministru għas-saħħa Chris Fearne ħabbar li t-tilqima Moderna tinsab fi triqitha lejn pajjiżna u xandar ukoll ritratt tal-konsenja titgħabba fuq ajruplan tal-Airmalta.  TVM huwa nfurmat li t-tilqima se tasal f’pajjiżna għall-ħabta ta’ nofsillejl.  Fuq Twitter ukoll, il-Prim Ministru Robert Abela qal li bit-tilqima Moderna f’pajjiżna, Malta se tkompli tkun fuq quddiem biex il-poplu jingħata din it-tilqima, hekk kif għal dan il-Gvern is-saħħa tibqa’ l-ogħla priorita’.

Wara li ħmistax ilu f’Malta waslet it-tilqima tal-Pfizer, illejla Malta se tiriċievi wkoll it-tilqima tal-Moderna. B’hekk Malta se tkun l-ewwel pajjiż fl-Ewropa li jirċievi din it-tilqma.

Dan ħabbru dalgħodu d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne, li fisser kif madwar id-dinja 85% tal-pajjiżi m’għandhomx vaċċin, waqt li 4 minn kull 5 għadhom ma bdewx ilaqqmu lill-poplu tagħhom.

Qal li Malta hija fost il-15% li għandu l-vaċċin u beda jlaqqam il-poplu, u bit-tilqim tal-Pfizer u l-Moderna biss sa Settembru se jkunu tlaqqmu żewġ terzi tal-poplu, li jfisser li tkun intlaħqet l-immunità fil-komunità.

Meta kien qed jitkellem waqt attività politika, Dr Fearne żvela kif l-awtoritajiet ta’ pajjiżi oħra talbu l-għajnuna tal-Gvern Malti biex ikunu jistgħu jixtru t-tilqima, għaliex ma rnexxielhomx jaslu mal-kumpaniji tal-farmaċewtika.

Żied li mill-bidu nett tal-pandemija l-Gvern kellu t-tir li joffri l-kura lil kull min għandu bżonnha, għall-kuntrarju ta’ dak li ġara f’pajjiżi oħra, fejn l-isptarijiet ma setgħux ilaħħqu mal-pazjenti tal-Covid-19.