Barranin
Illejla se jkunu 7 minuti ta’ terrur għan-NASA

Illum għall-ħabta tad-9pm grupp ta’ riċerkaturi se jkunu għaddejjin bla nifs hekk kif il-vettura spazjali InSight tan-NASA mistennija tipprova tinżel fuq il-pjaneta Mars.

Wara titjira ta’ 6 xhur, il-vettura spazjali se tinqasam fi tnejn biex parti minnha tidħol fl-atmosfera tal-pjaneta l-ħamra u tinżel fuqha.  Din l-operazzjoni tixbaħ lill-kapsula li kienet intużat fis-sittinijiet u s-sebgħinijiet għall-missjoni Apollo fuq il-qamar.

L-inżul se jkun diffiċli ħafna għax-xjenzati tan-NASA minħabba li jekk il-kapsula ma tkunx immexxija bi preċiżjoni hemm ċans li flok tispiċċa fuq Mars tintilef fl-ispazju.  Dan l-istadju tal-inżul mistenni jieħu mas-7 minuti li se jkunu kruċjali għan-NASA illejla.  Ix-xjenzati huma mħassba minħabba li s’issa 18-il missjoni biss lejn Mars kienu suċċess minn 44 tentattiv li saru minn diversi aġenziji spazjali nazzjonali biex jinżlu fuq Mars.

L-istennija għal InSight hija kbira minħabba li flok se toqgħod iddur u tispezzjona l-wiċċ tal-pjaneta, mistenna iktar titfa dawl fuq x’hemm ġo Mars, fosthom se tipprova tikseb tagħrif dwar il-moviment fl-ispazju tal-pjaneta, kif iseħħu t-terremoti fuqha, kif ukoll it-temperatura tagħha biex jiġi determinat kif tarmi s-sħana.

Dan it-tagħrif kollu huwa interessanti għal diversi raġunijiet, fosthom dwar kif iffurmat il-pjaneta u jekk hemmx ċans li qatt kellha ilma fuqha, fosthom jekk hemmx xi għadira midfuna fuq Mars.

L-esplorazzjoni tas-sistema solari hija l-ewwel pass lejn l-istudju tal-istilel.  Il-missjoni InSight se tkun qed tipprova tkompli taqta’ l-kurżità tal-bniedem dwar il-misteri li hemm mistura fl-ispazju.  Nistennew u naraw x’se jiġri llejla l-ewwel!