Infrastruttura
Il-Prim Ministru jinawgura l-Pjazza ta’ Raħal Ġdid

Il-Prim Ministru Joseph Muscat awgura uffiċjalment Pjazza Antoine De Paul f’Raħal Ġdid li ngħatat dehra kompletament ġdida bi proġett li sar b’investiment ta’ tliet miljun ewro.

Huwa ddeskriva t-trasformazzjoni tal-ispazju pubbliku fil-qalba ta’ Raħal Ġdid bħala ġurnata storika li se tbiddel il-mod kif in-nies fin-Nofsinhar ta’ Malta jisoċjalizzaw u jirrikrejaw ruħhom f’żoni u spazji miftuħa.  Qal li l-proġett tnissel minħabba viżjoni kreattiva li wasslet għal ċentru kulturali viżibbli u konkret, grazzi għall-aktar minn ħamest elef siegħa ta’ xogħol li twettqu mill-ħaddiema tal-Gvern u l-persistenza.

Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li “tajna spazju mill-ġdid lil poplu tar-Raħal Ġdid, lil poplu tan-naħa ta’ Isfel huwa investiment li hemm bżonn u dan hu biss l-ewwel parti, se jkun hemm ukoll it tieni parti aċċess għal dawk li kienu magħrufa bħala Gaddafi Gardens, Ġnien il-Mediterran, se jkun proġett stupend”.

Il-Perit Christopher Mintoff li kien inkarigat mill-proġett qal li l-ispazju pedonali irdoppja u żdied b’mitejn u erbgħin fil-mija u differenza kruċjali se tkun l-mod kif se jonqos it-traffiku miż-żona minħabba li t-toroq allokati għat-traffiku kienu mminimizzati b’aktar minn 50 fil-mija. Qal li fl-istess waqt żdiedu l-ispazji ta’ parkeġġ fiż-żoni tal-madwar, kienu mwaħħla ħamsin siġra u tliet mitt arbuxella u nbena kurutur li se jservi bħala passaġġ bejn il-pjazza u Ġnien il-Mediterran. Qal li dawn il-fatturi kollha magħġuna flimkien se jwasslu mhux biss għall-trasformazzjoni fl-element estetiku taż-żona iżda se jroddu lura l-ossiġinu lir-residenti u lil dawk kollha li jżuru iż-żona.

“Attivitajiet li jistgħu jieħdu iktar spazju bla ma jtellfu traffiku, u l-kwalità tal-arja diġà nbidlet, qabel kien ikollna karozzi iduru u ddaħħnu mal-istess post, niftakar meta għamilna exhibition seba’ snin ilu ma konniex flaħna iktar minn tliet ijiem” qal il-Perit Mintoff.

Fil-pjazza kienet inawgurata wkoll monument-funtana li ngħatat l-isem “Ulied Paola” b’dedikazzjoni għall-Pawlisti u dawk kollha li għandhom xi konnessjoni ma’ raħal Ġdid.

Ara wkoll:

Ix-xogħol fuq il-Pjazza ta’ Raħal Ġdid se jibda t-Tnejn

Jissokta x-xogħol fuq il-pjazza ta’ Raħal Ġdid

Miexi ġmielu x-xogħol fil-pjazza ta’ Raħal Ġdid – daqt jibda r-restawr tal-faċċata tal-Knisja

Il-pjazza ta’ Raħal Ġdid se tkun lesta sal-festa ta’ Kristu Re

Għalfejn tneħħew is-siġar kbar mill-pjazza ta’ Raħal Ġdid?