Kultura
Illejla t-Teatru Manoel fetaħ il-bieb għall-ewwel darba f’seba’ xhur

F’dawn il-ħinijiet fit-Teatru Manoel għaddej recital mis-sopran Nicola Said bis-sehem ta’ għadd ta’ mużiċisti. Tal-lejla hi l-ewwel darba f’seba’ xhur li t-teatru nazzjonali fetaħ il-bibien tiegħu għall-udjenza, b’ħarsien tad-direttivi kontra t-tixrid tal-COVID-19.

It-teatru Manoel li hu wieħed mill-iżjed teatri ikoniċi u storiċi fid-dinja fetaħ il-bibien tiegħu għall-pubbliku minkejja l-isfida tal-Covid-19.

Id-Direttur Artistiku, Kenneth Zammit Tabona, qal li d-dħul fit-teatru se jkun skont protokolli stretti bbażati fuq il-pariri tal-awtoritajiet tas-saħħa bħaż-żamma tad-distanza soċjali, waqt li mhux se jitħallew jidħlu aktar minn mitt persuna. “Hemm proċedura li jieħdu t-temperatura, sanitisation, il-bookings huma kollha socially distanced u nieħdu kull prekawzjoni li n-nies aħna nipproteġuhom.”

S’issa hemm imħejji programm ta’ attivitajiet sa Diċembru, bi pjan ta’ kontinġenża jekk ikun hemm bidla fiċ-ċirkostanzi preżenti. “Hu importantissimu li aħna bħala teatru nazzjonali nżommu l-artisti Maltin in employment, jiġifieri li hu importanti hu li nżommu l-arti ħajja.”

Il-kalendarju għat-tliet xhur li ġejjin jinkludi s-sehem ta’ Moveo Dance Company li se tippreżenta produzzjoni mżewwqa bil-mużika u żfin, b’kollaborazzjoni bejn erba’ artisti rinomati: it-tliet żeffiena Dorian Mallia, Diane Portelli u Francesca Tranter mal-pjanista Tricia Dawn Williams.

L-ispazju fit-Teatru Manoel se jkun addattat għall-produzzjoni, TEN: għaxar rakkonti minn għaxar atturi b’massimu ta’ sitt persuni fl-udjenza għal kull attur li jinterpreta żewġ rakkonti, darbtejn waqt is-serata.

Id-direttur u attur Stephen Oliver jesplora l-avvenimenti xokkanti tal-ħdax ta’ Settembru fi New York, bil-produzzjoni WTC li tinvestiga u toffri perspettiva ġdida fuq dan il-kapitlu terroristiku li ħalla tebgħa permanenti fl-istorja umana.

Parti mill-festival Żigużajg se jsir ukoll fit-Teatru Manoel.