Stejjer Umani
“Illum il-ġurnata jien inħossni ferħan. Id-droga dan ma ttihulekx”

Għal ex drogat ta’ 52 sena, Dar Charles Miceli fil-Mosta mhux biss serviet ta’ rifuġju, iżda sakemm dam fiha biddlitlu ħajtu. Huwa qal li kemm-il darba kien waqa’ fil-vizzju tad-droga, iżda kemm ilu li temm il-programm ta’ rijabiltazzjoni mid-droga minn Dar Charles Miceli, ma jridx jaf iżjed bi droga għax għaraf is-sabiħ u l-valuri tal-ħajja mingħajr ebda dipendenza fuq dan il-vizzju.

“Fil-verità lanqas tkun qed tgħix. Lanqas tkun taf x’inhu jiġri madwarek għax ma tindunax x’inhu jiġri għax ħlief droga ma tarax, u kif tqum u kif se jirnexxielek iġġib id-droga. Tkun qed teżisti mhux qed tgħix fil-veritaa.”

B’dan il-kliem, Stefan, isem fittizju biex nipproteġu l-identità tiegħu, jiddeskrivi kif kienet ħajtu fil-ħafna snin li dam jiddependi mid-droga. Beda jmiss mad-droga wara li qabad kumpanija ħażina ta’ 13-il sena, seba’ snin wara iddeċieda li jidħol San Blas għall-programm tal-Caritas u ta’ 23 sena ħareġ mill-programm.”Tista’ tgħid kull droga li kien hawn kont spiċċajt użajtha. Kont spiċċajt anke fuq il-methadone dak iż-żminijiet jiġifieri.”

Madanakollu, waqa’ darbtejn oħra fil-vizzju tad-droga. Stefan, li għandu 52 sena, qal li dan seħħ minħabba li tilef il-valuri f’ħajtu.

“Tibda titlaqhom ftit ftit lanqas tibda tinduna li qed titlaq l-affarijiet sakemm terġa tidħol fil-logħba li ma tantx hi sabiħa tidħol fiha bil-mod il-mod u lanqas tibda tinduna. Tibda titlaq il-valuri veru li l-programm itik.”

Hu għalhekk li Dar Charles Miceli, li ilha miftuħa ftit iżjed minn sentejn, qed tgħinu. Minħabba li x-xogħol tal-Caritas f’din id-dar hu li żżomm nies bħal Stefan milli jerġgħu jaqgħu.

“Reġa’ saħħaħli l-valuri li għandna bżonn biex nibqgħu għaddejjin f’din il-ħajja. Dar Charles Miceli għalija hija xi ħaġa kbira anke wara programm… hawn nies li veru jixtiequlek il-ġid u bħal speċi mhux se jħalluk tegħreq…. Illum il-ġurnata jien inħossni ferħan li qed ngħix bla droga u b’affarijiet żgħar nieħu pjaċir bihom. Id-droga dan ma ttihulekx, ħlief imdejjaq, indannat, jekk ma tipprovax tneħħi ħajtek bħalma kemm-il darba pruvajt inneħħi ħajti jien ukoll jiġifieri. Il-ħajja clean hija veru sabiħa.”

Stefan huwa wieħed minn 12-il ex drogati li ggradwaw wara li lestew il-programm tad-droga u baqgħu jattendu darba fil-ġimgħa u jżommu kuntatt mad-dar sakemm ikollhom bżonn. Il-psikologu u kordinatur tas-servizzi ta’ rijabilitazzjoni tal-Caritas, Joshua Aquilina, qal li huma bosta l-ex drogati jew dawk li għadhom qed jirrijabilitaw ruħhom li jfittxu s-servizz ta’ Dar Charles Miceli b’mod regolari.

“Dar Charles Miceli noffru servizz 24 hours fejn il-klijenti jistgħu jiġu hanwhekk anke jekk għaddejjin minn mumenti diffiċli tul il-ġurnata u l-lejl…. Xi ħaġa li nagħmlu u nefasizzaw fuqha hi kemm hi sabiħa l-ħajja u kemm għandna x’niċċelebraw f’dil-ħajja anke bl-affarijiet sempliċi fl-attivitajiet li nagħmlu.”

Joshua Aquilina qal li f’Dar Charles Miceli jsiru wkoll servizzi fi gruppi li jgħinnu lil dawk li jkunu qed joħorġu mill-vizzju tad-droga.

Aħbarijiet Oħra

Għall-ħabta tad-9pm ġie rilaxxat mill-arrest Keith Schembri, l-eks Chief of Staff fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, wara li kien arrestat mill-Pulizija għall-ħabta ta’ nofsillejl. Huwa ħareġ mill-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija fil-Floriana, akkumpanjat mill-avukati…

Qed joqrob il-jum li fih mistennija jiftħu l-bibien tagħhom l-iskejjel għas-sena skolastika ġdida, Television Malta żar uħud mit-tħejjijiet li qed isiru f’xi skejjel tal-Gvern u tal-Knisja biex jassiguraw il-prekawzjonijiet kollha…

Il-Partit Nazzjonalista qal li hija ħaġa tal-iskantament kif fl-aħħar jiem il-Kummissarju tal-Pulizija bi ftehim mal-Ministru għall-Intern, Byron Camilleri ħabbar li l-kariga ta’ Kap Eżekuttiv tal-Korp tal-Pulizija se tispiċċa u dan…

Fid-Dar tal-Anzjani San Ġużepp il-Fgura bħalissa hemm ftit iżjed minn 100 anzjan li għandhom il-Coronavirus. 15 minnhom irriżultaw ilbieraħ. Il-Clinical Chair tal-Ġerjatrija, Dr Brian Farrugia, qal lil TVM li s-sitwazzjoni…

Aktar