Annimali
Illum il-pubbliku seta’ jara l-frieħ tal-Fras-servjent li faqqsu fl-Għadira

Tmint’ ifrieħ tal-Fras-servjent għadhom kemm faqqsu fir-riserva naturali tal-Għadira. Għalkemm mhux l-ewwel darba li din l-ispeċi biedet hawn, f’Malta ma tantx hawn postijiet fejn dawn l-għasafar jistgħu jbejtu.

Il-Birdlife fetħet ir-riżerva naturali għall-pubbliku biex isegwi dawn l-għasafar.

Madwar xahar ilu, fir-riserva naturali tal-Għadira faqqsu tmint ifriegħ tal-fras-servjent, jew il-black-winged stilts. Kuntrarju għal għasafar oħra, dawn l-ispeċi, jitilqu jiġru jfittxu l-ikel mal-mument li jfaqqsu, waqt li l-ġenituri tagħhom jagħtuhom il-protezzjoni billi jżommu għasafar oħra ‘l bogħod minnhom.

Il-Manager tar-Riżerva Naturali, Mark Gauci qal “dawn it-tip ta’ għasafar huma protettivi ħafna għalhekk il-minuta li jipprova jinżel għasfur, dawn l-għasafar se jgerrxuh lil hinn. Ilbieraħ per eżempju kellna qata’ Rsieset li ppruvat toqgħod hawnhekk imma għalkemm l-Irsieset huma ikbar fid-daqs mill-Fras-servjent, xorta rnexxielhom ikkeċċuhom u ma jħalluhomx hawn għax huma jarawha ta’ theddida għall-friegħ tagħhom.”

It-tmint ifriegħ twieldu lil żewġ pari ta’ Fras-servjent fir-riserva. Għalkemm għalissa l-friegħ għadhom ma jtirux, sal-aħħar ta’ Settembru jkun rabbew il-ġwienaħ biex ipassu lejn l-Afrika.

“Dejjem bil-ħsieb u t-tama li meta tiġi r-rebbiegħa dawn il-friegħ jerġgħu jirritornaw lura fir-riserva biex forsi jibdew il-familja tagħhom. Mill-istudji li nagħmlu juru biċ-ċar li l-friegħ li jfaqqsu fir-riserva jerġgħu lura hawnhekk.”

Corinne Wood, kienet fost il-membri tal-pubbliku li marret minn kmieni fir-riserva flimkien ma’ wliedha.

”Qed nieħdu gost għax qed naraw il-friegħ ta’ ċertu għasafar li qatt ma ppretendejt li jkunu Malta f’dan il-post, veru sabiħ. U t-tfal qed jitgħallmu arhom vera interessati s-soltu dawn, jgħidu uff fejn sejrin imma din id-darba anki huma stess iridu joqgħodu.”

Din kienet is-seba’ darba li dawn l-għasafar biedu fir-riserva naturali tal-Għadira.