Unjoni Ewropea
Trattati bosta kwistjonijiet internazzjonali f’summit speċjali fi Brussell

Summit speċjali fi Brussell qiegħed ilaqqa’ l-mexxejja tas-27 stat membru tal-Unjoni Ewropea għal taħdidiet dwar bosta temi li jmorru lil hinn mill-fruntieri tal-Unjoni. Malta tinsab irrappreżentata mill-Prim Ministru Robert Abela. Il-laqgħa qed issir fl-istess ġurnata li ngħata bidu għall-proċedura ta’ ksur tal-liġi Ewropea kontra r-Renju Unit.

F’dawn il-jumejn ta’ laqgħat fi Brussell, fuq l-aġenda tal-mexxejja Ewropej sensiela ta’ kwistjonijiet li qed jiddominaw ix-xena internazzjonali.

Fl-ittra ta’ stedina li bagħat lill-mexxejja, il-President tal-Kunsill Ewropew Charles Michel qal li t-taħditiet se jiffukkaw fuq ir-relazzjonijiet mat-Turkija u t-tensjonijiet fil-Lvant tal-Mediterran, ir-relazzjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea u ċ-Ċina, l-avvelenament ta’ Alexei Navalny, il-Belarussja u l-kunflitt li qed jeskala bejn l-Armenja u l-Ażerbajġan li dwar ir-reġjun Nagorno-Karabakh.

It-taħditiet waqt iċ-ċena tal-Ħamis filgħaxija mistennija jiffukkaw fuq ir-relazzjonijiet mat-Turkija u t-tensjoni mal-Greċja u Ċipru dwar il-fruntieri marittimi u r-riżorsi tal-enerġija fil-Lvant tal-Mediterran.

Il-President tal-Kunsill Ewropew qal li l-mexxejja Ewropej jridu aktar stabbilità u qed jagħtu l-appoġġ tagħhom lill-Greċja u Ċipru biex jiddefendu u jipproteġu d-drittijiet sovrani tagħhom.

Bi tħejjija għal dan is-summit, f’nofs ix-xahar l-ieħor il-President Charles Michel żar il-Greċja, Ċipru u Malta. Hu kellu wkoll numru ta’ telefonati mal-President tat-Turkija, Recep Tayyip Erdogan.

Is-summit qed jitlaqa’ fl-istess ġurnata li l-Kummissjoni Ewropea infurmat lir-Renju Uniti li qed jikser l-obbligi tiegħu skont l-ftehim ta’ ħruġ mill-Unjoni Ewropea.

Ursula Von der Leyen qalet “we had invited our British friends to remove the problematic parts of their draft Internal Market Bill by the end of September. This draft bill is by its very nature a breach of the obligation of good faith laid down in the Withdrawal Agreement. Moreover, if adopted as is, it will be in full contradiction to the protocol of Ireland/Northern Ireland.”

Dan ifisser li mil-lum inbdiet formalment il-proċedura ta’ ksur tal-liġi Ewropea kontra r-Renju Unit, li issa għandu xahar biex iwieġeb għall-ittra tal-Kummisjoni Ewropea.

ARA: L-ittra li l-President Michel bagħat lill-mexxejja qabel is-summit speċjali