Politika
AĠĠORNAT(3): 85% jivvutaw biex jagħżlu l-Kap tal-PN

Illejla t-tesserati se jagħżlu min se jieħu f’idu t-tmexxjija tal-Partit Nazzjonalista. Matul il-jum it-tesserati komplew jivvotaw bejn iż-żewġ kandidati għall-Kap tal-Partit – Adrian Delia u Bernard Grech, sakemm fl-4.00pm għalqet il-votazzjoni f’Malta u fis-2.00pm f’Għawdex.

Dalgħodu tefa’ wkoll il-vot tiegħu Dr Adrian Delia, u iktar tard ivvota wkoll Dr Bernard Grech.

Minħabba l-imxija tal-COVID-19 l-elezzjoni tqassmet f’għadd ta’ ġranet. Matul il-perjodu tal-elezzjoni bikrija ivvutaw total ta’ 76%, filwaqt li llum ivvutaw 9% minn dawk eliġibbli.

Fil-5.00pm l-Kummissjoni elettorali tal-PN ħabbret li b’kollox ivvutaw 85% minn 21,499 li kienu eliġibbli.

Iktar tard tħabbar it-turnout li kellu kull każin, bis-Swieqi li b’89% kellu l-ogħla ammont ta’ dawk eliġibbli li vvutaw, filwaqt li Ħal Luqa u ż-Żurrieq kellhom l-inqas turnout bi 82%.

L-elezzjoni qed issir wara li f’Awwissu li għadda, il-Kunsilliera tal-Partit Nazzjonalista vvutaw favur li ssir elezzjoni għall-Kap tal-PN.

Għall-ħabta tas-7.00pm bdiet titlaqqa’ l-konvenzjoni ġenerali tal-Partit Nazzjonalista, li fi tmiemha mistenni jitħabbar il-Kap elett tal-PN.

TVM u tvm.com.mt qed ixandru kollegamenti spissi dwar l-andament tal-għadd tal-voti u r-riżultat.

Ara wkoll:

Adrian Delia u Bernard Grech intervistati llejla waqt il-programm Insights