Lokali
Illum jitnieda l-video mużikali ta’ Destiny

Doża qawwija ta’ enerġija pożittiva mżewqa b’messaġġ b’saħħtu favur in-nisa jikkaraterizzaw il-vidjo mużikali tal-kantanta Maltija Destiny, li se tirrappreżenta lil Malta fil-Eurovision Song Contest 2021 li se jittella’ f’Roterdam, l-Olanda f’Mejju li ġej.

Fl-aħħar jiem tvm.com.mt ingħata togħma ta’ dan il-vidjo mużikali li juru lill-kantanta Destiny ta’ 18-il sena tkompli toħroġ fid-deher il-pożittività u l-karattru uniku tagħha ta’ tfajla determinata li ma tħalli lil ħadd u xejn iwaqqafha milli tilħaq il-milja tagħha.

Il-vidjo mużikali li se jitnieda llejla fil-5.00 p.m. jirrifletti wkoll l-istil kurrenti tal-kanzunetta li bla dubju se jissorprendi mhux ftit lil eluf ta’ segwaċi ta’ dan il-festival prestiġġjuż.

Il-kanzunetta tagħti l-opportunità lil Destiny tkompli turi l-ħiliet mużikali tagħha fejn taraha tilgħab bil-vuċi tagħha f’ġeneru ta’ mużika li ftit li xejn qatt rajna lill-kantanta tinterpreta.

Il-vidjo li huwa produzzjoni eżekuttiva tal-PBS juri wkoll lil Destiny ma’ diversi żeffiena li bi żfin tagħhom jikkumplimentaw sew il-vivaċità tal-kanzunetta.

Fuq kollox l-istorja ta’ dan il-video mużikali li jinkludi wkoll frażi ċinika bil-Franċiż juri kantanta fiduċjuża fil-kapaċitajiet tagħha u ta’ tfajla li taf xi trid. Attitudni fil-karattru tagħha li bla dubju se tkun ta’ ispirazzjoni għal tfajliet u nisa oħra biex huma wkoll iħossuhom fiduċjużi fihom infushom.

Il-video se tkunu tistgħu ssegwuh fuq tvm.com.mt.