Lokali
Illum jum ta’ sawm u talb għall-Afganistan fuq xewqa tal-Papa

Illum l-Arċidjoċesi ta’ Malta qed torganizza jum ta’ talb u sawm għal dawk kollha li qed ibatu minħabba l-instabilità politika li jinsab fiha l-poplu Afgan.

Dan wara li fl-aħħar jiem il-Papa Franġisku stess appella għat-talb u s-sawm għall-Afganistan, u għad-djalogu u s-solidarjetà li joffru tama għall-futur ta’ dan il-pajjiż.

Fi stqarrija, l-Arċidjoċesi ta’ Malta qalet li dan il-jum ta’ talb qed jiġi organizzat mill-kappella tal-Junior College, l-Imsida, u jista’ jiġi segwit permezz ta’ xandira diretta fuq knisja.mt.

L-Arċidjoċesi ta’ Malta ħeġġet lill-Insara jingħaqdu fit-talb personali u s-sawm, kif ukoll biex isegwu x-xandira li se tkun animata minn gruppi ta’ żgħażagħ, mill-istudenti fl-iskejjel u mill-parroċċi u l-għaqdiet Insara.

Dan il-jum ta’ talb jibda fit-8am u jintemm fit-8pm.

Illum, il-Millenium Chapel f’San Ġiljan se tkun miftuħa għal dawk kollha li jixtiequ jagħmlu mument ta’ adorazzjoni quddiem is-Sagrament.