Lokali
Illum mietu ħames persuni li kienu pożittivi bil-Covid-19

Ilum mietu ħames persuni li kienu pożittivi bil-Covid 19. Fi stqarrija l-Ministeru tas-Saħħa llejla kkonferma li mietu tliet persuni, żewġ anzjani rġiel, wieħed ta’ 84 sena li nstab pożittiv bil-Covid fid-29 ta’ Ottubru u ieħor ta’ 82 sena li nstab pożittiv fl-4 ta’ Ottubru u raġel ieħor ta’ 46 sena li kien ikkonfermat pożittiv bil-Covid fl-10 ta’ Ottubru.

Aktar kmieni llum f’konferenza tal-aħbarijiet il-Professur Charmaine Gauci kkonfermat li mietu żewġ persuni oħra waqt li kienu pożittivi bil-Covid-19. Il-vittmi huma żewġt irġiel ta’ 95 sena u l-ieħor ta’ 79 sena. Fl-aħħar ġimgħa mietu 21 persuna waqt li mill-bidu tal-pandemija mietu 95.

Il-Professur Gauci qalet li bħalissa hemm mitejn u tmien persuni jingħataw il-kura fl-isptarijiet waqt li huma pożittivi bil-COVID, bi 13 minnhom jingħataw il-kura fit-Taqsima tal-Kura Intensiva u għaxra fit-Taqsima tal-Infezzjonijiet. Din il-ġimgħa l-eta’ medja tal-persuni li nstabu pożittivi bil-COVID-19 kienet ta’ 45 sena.

Il-Professur Gauci qalet li f’24 siegħa sa nofsinhar instabu 150 każ ġdid ta’ Covid-19 f’Malta minn 3,035 swab test, waqt li 101 oħra fiequ mill-virus.