COVID-19
Illum se jiltaqgħu l-mexxejja Ewropej biex jiddiskutu l-miżuri kontra l-COVID-19 u t-tilqima

Il-mexxejja tas-27 pajjiż-membru tal-Unjoni Ewropea fosthom il-Prim Ministru Robert Abela llejla qed jiltaqgħu b’mod virtwali f’laqgħa tal-Kunsill Ewropew li matulha qed jiddiskutu l-isfidi tal-pandemija u l-passi li se jieħdu flimkien fosthom biex ikun hemm proċess ta’ tilqim aktar effiċjenti, fuq il-qbil u l-ħruġ ta’ ċertifikat tat-tilqim Ewropew u dwar l-imxija tal-varjanti ġodda tal-coronavirus.

Illejla ftit wara li bdiet il-laqgħa il-Prim Ministru kiteb li fil-laqgħa tkellem fuq il-ħtieġa li l-produzzjoni għall-produzzjoni tat-tilqim kontra l-COVID tkun intensifikata u l-importanta taċ-ċertifikati tat-tilqim biex jiffaċilitaw il-moviment tal-persuni. Dr Abela qal li se jkompli jsir l-aħjar sforz possibli biex it-tilqim ikompli għaddej b’rata mgħaġġla.

Fil-laqgħa l-Prim Ministru tal-Greċja, Kyriakos Mitsotakis qal li ċ-ċertifikat tat-tilqim komuni m’huwiex maħsub li joħloq restrizzjonijiet għall-ivvjaġġar bejn il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea iżda li b’soluzzjoni diġitali sempliċi u sikura, jerġa’ jkun hemm moviment ħieles u jerġa’ jċaqlaq l-ekonomiji Ewropej.

Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea ġew kwotati jgħidu li dan għandu prematur minħabba li għadu mhux ċar jekk persuni li jkunu tlaqqmu jistgħux ixerrdu l-virus lill-oħrajn.

Il-mexxejja mistennija jiddiskutu wkoll il-proċess ta’ tilqim, hekk kif għadd ta’ pajjiżi qed jilmentaw li qed tingħata bil-mod wisq, bl-Italja qed tikkunsidra tieħu azzjoni legali kontra Pfizer minħabba li sar magħruf li jaf tnaqqas il-provvisti tat-tilqima.

Il-Kummissjoni Ewropea trid li sas-Sajf li ġej, is-27 pajjiż ilaqqmu mill-inqas 70% tal-popolazzjoni tagħhom.