Kultura
Iltaqa’ mal-vjaġġatur u baħri li twieled fl-1887

Il-programm kulturali ta’ Valletta 2018 ser jissokta fi tmiem il-ġimgħa bil-produzzjoni “Corto Maltese: The Ballad of the Salty Sea” fit-Teatru Manoel. Din il-produzzjoni hija adattament tar-rumanz popolari ta’ Hugo Pratt, ippubblikat fl-1967.

In-narrattiva tirrakkonta waħda mill-avventuri ta’ Corto Maltese, baħri u vjaġġatur imwieled il-Belt fl-1887, iben baħri Ingliż u żingara Andalusjana. Bħala tifel li trabba fil-parti Lhudija ta’ Córdoba fi Spanja, Corto Maltese jiskopri li ma għandux linja tad-destin fuq il-pala ta’ idu u għalhekk inaqqax linja bix-xafra tal-leħja ta’ missieru.

Dan ifisser li issa d-destin tiegħu jinsab f’idejh. Corto jqatta’ ħajtu jivvjaġġa d-dinja waqt li jfittex l-avventura. Din hija r-raba’ opra tat-Teatru Manoel Youth Opera, li qed issir bl-appoġġ tal-Fondazzjoni Valletta 2018. L-opra hija kompożizzjoni ta’ Monique Krüs u librett ta’ Corina Van Eijk, ibbażat fuq kitba oriġinali ta’ Tama Matheson.