Stejjer Umani
Ilu kważi 50 sena jferraħ lis-semmiegħa fuq Radju Malta

Ftit jiem oħra se jagħlaq 74 sena u ilu preżentatur fuq Radju Malta għal kważi 50 sena.

Mario Laus għadu ta’ kuljum iferraħ lis-semmiegħa fuq Radju Malta b’mużika mill-passat u jitlob li jibqa’ f’saħħtu biex l-aħħar kapitlu ta’ ħajtu jkun ir-radju.

Laus, li ra l-bidu tax-xandir ta’ Radju Malta fl-1973, jgħid li dak iż-żmien ix-xandara tar-radju kienu popolari ħafna għax ir-radju kien l-uniku mezz tax-xandir pubbliku li kellhom il-Maltin u l-Għawdxin.

Minkejja li għandu kważi 74 sena, Mario Laus baqa’ kważi kuljum jirfes l-għatba tal-PBS biex fuq Radju Malta jżomm l-appuntament tiegħu ta’ kuljum mas-semmiegħa bi programm ta’ mużika mill-passat.

Mario ilu fuq Radju Malta 47 sena u jiftakar l-ewwel ġurnata li xandar Radju Malta, 8 ta’ Jannar tal-1973, meta kien għadu jaqa’ taħt l-Awtorità tax-Xandir u jopera minn Blata l-Bajda.

Huwa jirrakkonta lil TVM kif irnexxielu dak iż-żmien jidħol bħala DJ fuq Radju Malta.

“Mort inkellem liċ-Chief Executive tal-Awtorità tax-Xandir Joe Grima u lil Norman Hamilton u għedtilhom li rrid nagħmel programm ta’ mużika tal-imgħoddi”.

Mario qalilna li dak iż-żmien, peress li l-poplu Malti u Għawdxi ma kellu ebda mezz ta’ divertiment ħlief Radju Malta, kull min kien xandar bħalu lanqas seta’ jmur imkien.

“Dak iż-żmien li tkun DJ tkun idolu. Għax Radju Malta kien l-uniku stazzjon tar-radju. U allura jien u Norman Hamilton bilkemm kellna privatezza. U jiġu n-nies biex indoqqu xi kanzunetta”.

Uriena kif beda jdoqq id-diski. L-ewwel id-diski kienu jindaqqu fuq vinyl, dik tas-7 inch għal singles u 12 inch għal albums, u wara bdew jintużaw is-CD’s.

Illum id-DJ’s jużaw hard drive li titqabbad mal-computer tal-istazzjon b’Mario jgħid li llum għandu mill-inqas 70,000 kanzunetta biex ikun jista’ jikkuntenta lis-semmiegħa li jitolbuh xi kanzunetta partikolari.

Mario jħoss wisq in-nuqqs ta’ ħuh Vince Laus li miet 17-il sena ilu u li bħalu kien magħruf bħala DJ fuq il-mużika country.

“Ħafna nimmissjah … konna nitkellmu ħafna fuq il-mużika … ġieli spiċċajt programm u kien jgħidli fuq id-diski … għax hu kien ġenju fuq il-country”.

U l-ħolma ta’ Mario x’inhi?

“Nixtieq li sakemm tagħtini saħħti nibqa’ nippreżenta programm u nżomm is-semmiegħa ferħana … music was my first love and it will be my last”.

B’kanzunetti favoriti ta’ Mario, bħal ta’ The Beatles u l-Platters u tant kanzunetti leġġendarji, se jibqa’ jferraħ lis-semmiegħa ta’ Radju Malta mit-Tnejn sal-Ġimgħa bil-programm Mużika ma’ Mario Laus, wara s-1.00 p.m.