Lokali
Aġġornat 7: L-ewwel maltempata ta’ Settembru tħassar il-purċissjonijiet tal-Bambina u jittardjaw 9 titjiriet

Fis-sigħat li għaddew għamlet l-ewwel maltempata ta’ Settembru hekk kif wara nofsinhar niżel ammont konsiderevoli ta’ xita u sajjetti.  Għawdex jidher li ntlaqat mill-maltemp iktar minn Malta, bil-konsegwenza li xi lokalitajiet raw it-toroq ifuru bl-ilma.  Fost l-iktar milquta kien hemm l-Imsida, kif jidher f’dawn il-filmati, u x-Xlendi Għawdex, kif jidher mir-ritratti li rċivejna.

Ix-xita qalila li niżlet sfratt il-festi ta’ Marija Bambina li qed jiġu ċċelebrati llum f’Malta u Għawdex.  Infatti l-purċissjoni tal-lejla fl-Isla, in-Naxxar u x-Xagħra Għawdex ġew posposti għal għada filgħaxija, filwaqt li dik u l-Mellieħa se ssir il-Ħadd filgħaxija.

Minkejja t-temp, ir-Regatta tal-Vitorja saret xorta waħda, għall-ewwel f’temp imsaħħab, iżda mal-ħin l-aħħar tiġrijiet saru fil-maltemp.  Fl-istorja tar-Regatta, din tħassret biss darbtejn minħabba l-maltemp.  L-edizzjoni tar-Regatta ta’ din is-sena ntebħet minn Bormla.

Intant kelliema għall-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta qalet ma’ tvm.com.mt li minħabba l-maltemp ittardjaw disa’ titjiriet waqt li titjira tal-linja tal-ajru Tunis Air mit-Tuneżija ġiet ikkanċellata.

Minn kmieni dalgħodu l-Uffiċju Meteoroloġiku tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta kien qed ibassar li arja ta’ pressjoni baxxa fuq in-Nofsinhar tat-Tuneżija u l-Majjistral tal-Libja se testendi fuq il-Gżejjer Maltin u l-Italja, bil-konsegwenza li t-temp kien imbassar li se jkun imsaħħab u bil-ħalbiet tax-xita lokalment bir-ragħad u bil-buffuri tar-riħ kultant, li jsir imsaħħab u bix-xita kultant iktar tard.

Wara l-maltemp mistenni jiġi l-bnazzi hekk kif huwa previst li mal-lejl it-temp isir sabiħ, filwaqt li t-tbassir mill-Uffiċċju Meteoroloġiku huwa li jirritorna l-bnazzi minn għada stess.

Kull min għandu xi ritratt tal-maltempata jista’ jibgħatilna fuq [email protected]

Il-Port il-Kbir waqt ir-Regatta
Ir-ragħad li għaddej bħalissa
Il-Wied tal-Imsida
L-Imsida
Ix-Xlendi
Ix-Xagħra Għawdex