Lokali
IMF: Imbassar tkabbir ekonomiku, il-miżuri waqt il-Covid jevitaw sensji u falliment ta’ negozji

F’rapport dwar Malta li ħareġ mill-Fond Monetarju Internazzjonali jingħad li l-miżuri fiskali li ttieħdu fix-xhur li għaddew minħabba l-Covid-19 taffew l-impatt kbir li ħalliet il-pandemija fuq l-ekonomija Maltija, b’mod partikolari fuq it-turiżmu. Inizjattivi, li wieżnu l-familji, in-negozji u s-sistema tas-saħħa.

Ir-rapport tal-IMF jgħid li minħabba l-Covid l-ekonomija Maltija għaddiet mill-agħar riċessjoni f’għexieren ta’ snin. Tant, li fl-2020 it-turiżmu niżel għal taħt il-25% taċ-ċifri ta’ qabel l-imxija filwaqt li l-ekonomija ċkienet b’aktar minn 7%. Madankollu, bil-miżuri li ttieħdu, kienu evitati t-tkeċċijiet tal-ħaddiema, u l-falliment ta’ negozji u intrapriżi.

L-esperti tal-IMF jgħidu wkoll li l-proċess effiċjenti ta’ tilqim għen biex it-turiżmu reġa’ fetaħ għax-xhur tas-sajf u grazzi għal dan l-ekonomija din is-sena mistennija tirkupra sew. Tant, li fl-ewwel tliet xhur tas-sena, il-produzzjoni żdiedet bi kważi 2% filwaqt li l-fiduċja tal-konsumaturi u n-negozji reġgħet telgħet għal-livelli ta’ qabel il-pandemija.

L-IMF qed ibassar li din is-sena l-ekonomija se tikber b’madwar 5.75% filwaqt li s-sena d-dieħla għandha tmiss is-6%.

Minkejja dan, l-inċertezza tibqa’, bl-esperti tal-IMF jgħidu li fl-immedjat jeħtieġ li jibdew jittieħdu deċiżjonijiet biex jiġu aġġustati ftit ftit il-miżuri ta’ appoġġ li ddaħħlu minħabba l-pandemija bħall-wage supplement biex posthom jittieħed minn inizjattivi li jiffaċilitaw l-investiment u t-tkabbir. Skont l-IMF dawn jistgħu jinkludu krediti ta’ taxxa u self sussidjat għan-negozji.

L-esperti tal-IMF jindikaw sfidi oħra għal Malta fosthom it-tisħiħ tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu kif ukoll it-tisħiħ tar-reżiljenza u s-sostennibbiltà ekonomika permezz ta’ riformi strutturali. Huma jsostnu li l-Gvern għandu jkompli jimxi fuq ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni Venezja u tal-GRECO biex iżid l-effiċjenza tas-sistema ġudizzjarja.

Fir-rapport tiegħu, l-IMF jisħaq ukoll fuq il-ħtieġa ta’ trasformazzjoni diġitali u ta’ aktar innovazzjoni, bil-pass hawnhekk jista’ jitħaffef grazzi għall-Fondi Ewropej mill-Faċilità ta’ Rkupru u Reżiljenza.