Lokali
IMF: It-tkabbir ekonomiku f’Malta dovut għal politika tajba u riformi strutturali

F’rapport annwali dwar l-ekonomija Maltija, l-esperti tal-Fond Monetarju Internazzjonali nnutaw li t-tkabbir ekonomiku f’Malta huwa fost l-akbar fl-Unjoni Ewropea. L-ekonomisti tal-IMF qalu li dan huwa dovut għal kundizzjonijiet li huma mgħejjuna minn policies tajbin flimkien ma’ riformi strutturali li għenu għal bilanċ fil-finanzi tal-gvern.

F’rapport ta’ 57 paġna, il-Fond Monetarju Internazzjonali ikkumenta dwar iż-żieda fl-impjiegi f’Malta u jgħid fost oħrajn li ż-żieda tal-ħaddiema fis-suq tax-xogħol kemm Maltin kif ukoll barranin huwa fattur li qed jagħti stabilità biex il-pagi ma jgħolewx iżżejjed u b’hekk qed tkun imrażżna l-inflazzjoni.

L-esperti tal-IMF iżda jinnutaw il-pressjoni li qed tikber fuq l-infrastruttura fosthom anke fis-suq tal-propjetà. Jitkellmu ukoll fuq il-fatt li għat-tieni sena wara l-oħra, l-gvern kellu bilanċ, mgħejjun mid-dħul akbar fosthom ukoll mill-programm taċ-ċittadinanza b’investiment u anke bl-investiment fi proġetti kapitali. Innutaw ukoll li bis-saħħa tas-settur tas-servizzi, Malta qed ikollha anke bilanċ fil-pagamenti internazzjonali u tnaqqis fid-dejn.

L-ekonomisti tal-IMF qalu li l-prospetti għal Malta huma tajbin anke jekk qed ibassru li r-rata tat-tkabbir ekonomiku tbatti għal tlieta fil-mija fis-snin li ġejjin. Qalu li t-tkabbir ekonomiku ser jibqa’ jkun xprunat mid-domanda lokali, mis-servizzi u anke mil-fatt li l-pajjiż għandu livell ta’ qagħad l-aktar baxx fl-istorja. Ir-rapport iħeġġeġ għal miżuri dwar il-kirjiet u l-prezzijiet tal-propjetà’

Il-bord Exekuttiv tal-IMF iddikjara li jaqbel mal-konklużjonijiet tal-ekonomisti tal-Fond u żied jgħid li r-riskji għall-ekonomija Malta huma bilanċjati, għalkemm irrakkomanda li l-pajjiż jaħseb biex ikollu riżervi li jagħmlu tajjeb għal xi ħtiġijiet li jistgħu jinqalgħu. Iħeġġeġ biex Malta tindirizza l-problemi infrastruturali għalkemm jgħid li dan m’għandux isir biex iservi ta’ stimulu għall-ekonomija.

L-IMF osserva wkoll li l-Gvern Malti qed jimplimenta l-pariri tal-esperti tiegħu. Iħeġġeġ ukoll għal implimentazzjoni effettiva tal-qafas leġislattiv kontra l-ħasil tal-flus biex iħares l-integrità tas-sistema finanzjarja. Qal li dan huwa essenzjali fid-dawl tas-setturi finanzjarji, tal-gaming u d-domanda qawwija għall-programm taċ-ċittadinanza.

Il-bord tal-IMF qal li Malta għandha tkompli bir-riformi biex isostni t-tkabbir ekonomiku waqt li tindirizza setturi fosthom it-trasport, l-edukazzjoni u l-ħiliet tal-ħaddiema, l-innovazzjoni u l-involviment ta’ aktar nies u anzjani fis-suq tax-xogħol.

Aħbarijiet Oħra
Lokali

Ħalba xita qawwija bis-sajjetti fl-ewwel jum tal-istaġun tas-sajf, għarqet diversi lokalitajiet magħrufa fejn jinġemgħa l-ilma u fost oħrajn tat battikatta lid-dilletanti Qriema u s-Siġġiwin biex iħarsu l-armar tal-festa mill-ħsara li…

Lokali

Il-Ministru Evarist Bartolo iltaqgha’ wkoll mad-Deputat Prim Ministru Taljan Luigi Di Maio fejn tkellmu fuq kif nistgħu naħdmu flimkien u naqsmu l-esperjenza li għandna fil-qasam tax-xogħol u li nħeġġu iżjed persuni jidħlu…

Lokali

Il-Prim Ministru Joseph Muscat talab lil Simon Schembri biex jikkunsidra li, jekk ikun jista’, jibqa’ fil-Korp tal-Pulizija biex ikompli jservi ta’ ispirazzjoni għall-membri u għall-pubbliku. Dan waqt laqgħa li kellu mal-Kuntistabbli…

Aktar