Imfakkar il-perit tal-ġonna li nbnew wara l-imblokk tal-Franċiżi

Wirt iż-Żejtun din is-sena qed ifakkar lil Michele Cachia – perit u inġinier li x-xogħlijiet tiegħu fl-aħħar snin tal-Kavallieri f’Malta u fil-bidu tal-era Ingliża huma mifruxa f’diversi lokalitajiet fosthom b’bosta ġonna.

Ġnien Luqa Briffa, magħruf bħala tal-Kmand fiż-Żejtun, huwa parti minn kullana ta’ ġonna tal-Kmand madwar Malta, li ddisinja u bena l-arkitett Żejtuni Michele Cachia. Ġonna oħra tal-Kmand f’Malta qegħdin fil-Qrendi, Ħal Safi, Ħal Għargħur u Ħal Lija, u oħrajn li ntilfu maż-żmien kienu f’Ħaż-Żabbar, Ħaż-Żebbuġ u n-Naxxar.

L-istorja ta’ dawn il-ġonna tmur lura għas-seklu dsatax, meta l-gvern Ingliż ta dawn il-ġonna lil-logutenenti Maltin għat-tgawdija personali tagħhom, wara li rnexxa l-imblokk kontra l-Franċiżi. Dawn il-ġonna kienu disinjati milll-Perit Cachia.

kmand-1Il-President ta’ Wirt iż-Żejtun, Ruben Abela, qal li barra dawn il-ġonna, il-Perit Cachia jibqa’ magħruf ukoll għal xogħlijiet oħra ewlenin li jinkludu l-Fosos tal-Furjana, Montgomery House fil-Floriana, u anki l-portiku tal-kappella tal-providenza fis-Siġġiewi.

“Hija dinastija Cachia, kif kien isejħilha l-Imħallef Giovanni Bonello f’kitbiet tiegħu, li għadha twassal periti sal-ġurnata tal-lum, jiġifieri hija familja magħrufa għall-arkitettura u l-periti,” qal Abela.

Ir-riċerkatur Mevrick Spiteri qal li l-Perit Cachia kien wieħed mit-tnax-il periti magħżula mill-Ordni ta’ San Ġwann. “Mikiel Cachia kien involut fil-perjodu tal-ordni fuq pjanti ta’ territorji ta’ fondazzjonijiet tal-ordni ta’ San Ġwann, fejn għamel pjanta lejn l-aħħar tal-1780 tal-artijiet tan-naħa ta’ Selmun.”

B’fondi mill-iskema għall-inizjattiva tal-għaqdiet volontarji mħaddma mill-Kunsill Malti għas-Settur Volontarju, Wirt iż-Żejtun niedet ktieb li jiddokumenta l-patrimonju u l-legat li ħalla l-Perit Cachia.

Il-Ministru Helena Dalli ħeġġet aktar proġetti simili biex il-kultura tkompli tinfirex u ssir magħrufa.