Lokali
Imfakkra l-vittimi taż-żewġ gwerer dinjija

Malta ngħaqdet mal-kumplament tal-pajjiżi tal-Commonwealth, biex tfakkar Jum it-Tifkira, b’ġieħ lill-vittmi li tilfu ħajjithom fiż-żewġ gwerer dinjija tas-seklu l-ieħor.

Il-qofol tal-attivitajiet f’pajjiżna intlaħqu fuq il-monument tal-gwerra fil-Floriana, li fuqu jispikkaw fost l-oħrajn il-kliem ta’ Re George Ħamsa li wera li hu konxju tal-parti importanti u patrijottika li Malta kellha matul is-snin tal-ewwel gwerra.

Malta, il-Ħadd filgħodu tat ġieħ lill-vittmi taż-żewġ gwerer dinjija tas-seklu l-ieħor.

It-tifkira bdiet b’pontifikal fil-Konkatidral ta’ San Ġwann fil-preżenza tal-ogħla awtoritajiet tal-pajjiż: il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca; id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne u l-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia. Preżenti wkoll għadd ta’ Ambaxxaturi u Membri tal-Ġudikatura.

Fl-Omelija, l-Arċisqof Charles J. Scicluna fakkar il-miljuni ta’ suldati, ħafna minnhom żgħażagħ li ħallew ħajjithom fiz-żewġ gwerer. “Kienu taħt il-kmand ta’ min jew kien arroganti f’kunflitti aggressivi ta’ ħakma jew inkella kienu vittmi tad-dover li jiddefendu l-libertà ta’ pajjiżhom.”

L-Arċisqof qal li d-dejn tagħna ma’ dawn il-vittmi hu li aħna wkoll niddefendu l-valuri li huma ddefendew. Qal li f’kull kunflitt, hemm vittmi fuq iż-żewġ naħat.

Hu qal li d-deċiżjonijiet jittieħdu fuq l-iskrivanija ta’ min hu komdu imma huma wlied il-ħaddiema li jmutu fuq il-kampiiet tal-battalja. Qal li l-għaqal hu li wieħed jifhem li f’soċjetà fejn hemm oppinjonijiet differenti hemm bżonn nitgħallmu nirrispettaw lil xulxin.

Iċ-ċerimonja ta’ tifkira kompliet fuq il-Monument tal-Gwerra fil-Floriana, bis-sehem tal-Forzi Armati u l-Korp tal-Pulizija.

Spikka fuq il-pavri u l-brieret, il-pepprin, li jfakkar fid-demm li ċarċru fuq il-fronti tal-gwerra.

Ħadu sehem kontinġent ta’ ex membri tas-servizz Ingliż mir-Royal British Legion bil-midalji fuq sidirhom, li jixhdu l-qlubija u dak li għaddew minnu matul il-gwerra.

Iċ-ċerimonja ntemmet bit-tqegħid tal-kuruni mill-President Marie-Louise Coleiro Preca, il-Prim Ministru Joseph Muscat, il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia, l-Ispeaker Anġlu Farrugia, awtoritajiet ċivili, ambaxxaturi u rappreżentanti ta’ diversi għaqdiet.

Aħbarijiet Oħra
Lokali

Stħarrig tal-Eurostat juri li 81 fil-mija tan-negozji f’Malta għandhom website u 18 fil-mija minnhom anke jbiegħu fuqha permezz tal-internet. Dan juri li l-preżenza tan-negozji f’Malta fuq l-internet hija aħjar mill-medja…

Lokali

Il-Eurostat qal li fit-tielet kwart tas-sena, Malta flimkien mal-Kroazja kellha t-tieni l-ogħla rata ta’ żieda fl-impjiegi fost il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea. Malta u l-Kroazja b’żieda ta’ 1.1 fir-rata tal-impjiegi ġew wara…

Lokali

Il-vot biex jiġu projbiti l-fosfati fil-laħam tat-Turkish Kebabs ma għaddiex bi sbrixx fil-Parlament Ewropew. Il-Membri Parlamentari Ewropej kellhom bżonn maġġoranza assoluta ta’ 376 vot biex jipprojbixxu l-fosfati li jinsabu fil-laħam…

Lokali

Il-Prim Ministru Joseph Muscat jinsab Brussell għas-Summit tal-Mexxejja tal-Unjoni Ewropea. Is-Summit mistenni jkun dominat mill-aħħar żviluppi dwar il-Brexit. Is-Summit mistenni jibda kmieni wara nofsinhar. Aktar qabel, Dr Muscat attenda għal…

Aktar