Lokali
Imħabbar rilaxx ta’ miżuri għas-sidien tal-istabbilimenti li jaċċettaw biss persuni mlaqqma

Minn għada l-każini, il-ħwienet tax-xorb u r-ristoranti li minn jeddhom jippermettu dħul fl-istabbilimenti tagħhom biċ-ċertifikat tat-tilqima jistgħu japplikaw biex minn tmiem il-Ġimgħa tal-ġimgħa d-dieħla jnaqqsu d-distanza bejn l-imwejjed għal metru fuq barra u għal metru u nofs fuq ġewwa.

Fl-istess waqt, f’dawn l-istabbilimenti l-persuni madwar kull mejda se jkunu jistgħu jitilgħu għal massimu ta’ tmien persuni. Dawn l-istess stabbilimenti se jkunu permessi li jibqgħu miftuħin sat-3am.

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa, Chris Fearne, qal li dawn l-istabbilimenti jistgħu jibdew joffru s-servizz tagħhom minn bar fosthom billi jkun hemm perspex bejn il-barmen u l-klijenti.

Dr Fearne qal li l-protokolli għal dan is-servizz se jkunu ppubblikati fil-jiem li ġejjin. Irrimarka, li biex dan iseħħ, l-istaff kollu tal-istabbilimenti jrid ikun imlaqqam b’mod sħiħ kontra l-Covid-19.

Dr Fearne qal li jekk dan ir-rilaxx tal-miżuri ma jkollux effetti ħżiena fuq is-sistema tas-saħħa, dawn ikunu jistgħu jintużaw anki waqt it-tiġijiet.