Lokali
Imħabbra miżuri ta’ prekawzjoni għas-saħħa minħabba temperaturi għoljin

Id-Direttorat għall-Promozzjoni tas-Saħħa u l-Prevenzjoni tal-Mard ħareġ għadd ta’ miżuri ta’ prekawzjoni hekk kif it-temperaturi fil-gżejjer Maltin komplew telgħin.

Fi stqarrija, id-Direttorat saħaq fuq l-importanza li jittieħdu l-prekawzjonijiet meħtieġa biex jiġu evitati konsegwenzi negattivi mill-effetti tas-sħana. Fost oħrajn ingħad li huwa importanti li jinxtorob ħafna ilma matul il-ġranet sħan tas-sajf.

L-awtoritajiet tas-saħħa qalu li matul il-jiem li ġejjin, se nesperjenzaw mewġa ta’ sħana li mill-inqas se ddum sas-Sibt li ġej. It-temperaturi massimi ta’ kuljum huma mbassra li se jkunu bejn is-36°C u it-38°C, kif imħabbar mill-Uffiċċju Meteroloġiku.

Id-Direttorat qal li temperaturi għoljin jikkawżaw telf ta’ ilma mill-ġisem b’rati mgħaġġla li jirriżultaw f’nixfa u għalhekk il-pubbliku jrid joqgħod attent għal sinjali bħal: żieda fl-għatx, ħalq xott, awrina skura, u awrina inqas ta’ spiss u f’ammonti żgħar.

Temperaturi għoljin jistgħu jwasslu wkoll għal eżawriment tas-sħana jew puplesija bis-sħana. L-eżawriment tas-sħana huwa kkawżat minn telf ta’ ilma u melħ permezz tal-għaraq. Sintomi komuni jinkludu li tħossok dgħajjef, li jħossok ħażin jew ma tiflaħx, uġigħ ta’ ras, bugħawwieġ fil-muskoli, għaraq qawwi u għatx kbir.

Spjegaw li puplesija kkawżata mis-sħana hija meta l-ġisem ma jkunx għadu kapaċi jiksaħ u t-temperatura tal-ġisem titla’ b’mod perikoluż. Dan huwa inqas komuni iżda sintomi aktar serji u mhux trattati jinkludu konfużjoni u telf mis-sensi.

Is-sħana tista’ taffettwa lil kulħadd, iżda xi persuni għandhom riskju akbar ta’ ħsara serja bħal anzjani, trabi, tfal żgħar, u persuni b’kundizzjonijiet kroniċi.

Biex jiġu evitati l-effetti tal-mewġa tas-sħana huwa importanti li:

• Iżżomm ’il bogħod mis-sħana billi tevita kull esponiment bla bżonn għax-xemx matul perjodi sħan tal-ġurnata ġeneralment bejn il-11 ta’ filgħodu u l-4 ta’ waranofsinhar.

• Iżżomm ruħek frisk billi toqgħod fl-aktar partijiet friski tad-dar u tal-post tax-xogħol.

• Tagħlaq il-purtieri tal-kmamar faċċata tax-xemx biex iżżomm ġewwa aktar frisk.

• Tixrob ħafna ilma biex tagħmel tajjeb għat-telf ta’ likwidi minħabba l-għaraq u kul ikel aktar frisk bħal insalati.

• Tevita l-likwidi li jwasslu għal nixfa. L-alkoħol, il-kafè, it-te u luminati bil-kafeina jistgħu jagħmlu aktar ħsara milli ġid.

• Tilbes ħwejjeġ ħfief u mhux issikkati.

• Tevita sforz fiżiku fl-aktar partijiet sħan tal-ġurnata, jew tagħżel attività fiżika fuq ġewwa jew tagħmel l-attività fiżika tiegħek filgħodu meta t-temperatura tkun l-aktar baxxa.

• Timxi fid-dell, tapplika krema għall-protezzjoni mix-xemx, u tilbes kappell jekk ikollok toħroġ fis-sħana.

• Qatt ma tħalli lil xi ħadd f’vettura magħluqa u pparkjata, speċjalment, trabi, tfal żgħar jew annimali.

• Tfittex parir mediku jekk għandek xi tħassib.

L-awtoritajiet tas-saħħa temmew jappellaw lill-pubbliku biex joqgħod attent għall-ġirien vulnerabbli jew anzjani, qraba jew ħbieb li jistgħu jkunu weħidhom u li ma jkunux jistgħu jieħdu ħsieb lilhom infushom u jaraw li jkunu kapaċi jibqgħu friski matul il-mewġa tas-sħana.