Qorti
Imħallef iwaqqaf azzjoni industrijali li kienet se tolqot 80 operazzjoni kuljum

L-Imħallef Robert Mangion iddeskriva azzjoni industrijali li l-MUMN tat lid-Decontamination Sterilising Technichians (DSTs) bħala ta’ periklu għas-saħħa tal-pazjenti u għalhekk ordna li din ma tidħolx fis-seħħ.

Kien id-Direttur Ġenerali fi ħdan l-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti fil-Ministeru tas-Saħħa li talab lill-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili twaqqaf lill-unjin tal-qwiebel u l-infermieri milli tieħu azzjoni industrijali fl-Isptar Mater Dei.

Minbarra d-DSTs, l-azzjoni industrijali kienet indirizzata wkoll lill-phlebotomists u lid-dental surgery assistants membri tal-imsemmija unjin.

Wara li sema’ kemm lill-MUMN kif ukoll uffiċjali għolja tal-Isptar Mater Dei, l-Imħallef Mangion irrimarka li mill-provi jirriżulta li l-azzjoni lid-DSTs kienet tfisser li ma kienux se jiġu ppreparati l-istrumenti qabel l-operazzjonijiet.

Huwa sostna li mill-istess provi ħareġ li mill-kalkoli tal-isptar kienu se jiġu affettwati mat-80 operazzjoni kuljum.

L-Imħallef Mangion qal li għalkemm unjin kellha dritt għal azzjoni industrijali din ma setgħetx tipperikola ħajjet u saħħet il-pazjenti.

Huwa kkonkluda li jekk id-DSTs kienu se jsegwu l-azzjoni industrijali dan kien se jkun ta’ periklu għall-pazjenti.

Kien għalhekk li huwa laqa’ t-talba tal-awtoritajiet tas-saħħa u waqqaf l-azzjoni fil-konfront tad-DSTs għalkemm mhux dawk fir-rigward tal-phlebotomists u d-dental surgery assistants.