Qorti
Imħallef tilqa’ talba tar-raġel mixli li 33 sena ilu qatel lill-Baruni Sant Cassia

L-Imħallef Consuelo Scerri Herrera laqgħet it-talba tar-raġel li qed jistenna li jgħaddi ġuri mixli bil-qtil tal-Baruni Frank Sant Cassia biex l-istqarrijiet li ta lill-Pulizija ma jiġux inklużi bħala provi wara li tteħdulu mingħajr il-preżenza tal-avukati tiegħu.

Sant Cassia kien inqatel quddiem ir-residenza tiegħu, Castello Zammitello fl-Imġarr, nhar is-27 ta’ Ottubru 1988. Ir-residenza tintuża bħala sala tat-tiġijiet.

Matul is-snin il-każ baqa’ ma kienx solvut sakemm fl-2004 il-Pulizija rċeviet informazzjoni li kien ċertu Carmelo Camilleri li qatlu. Camilleri għandu 66 sena u huwa mill-Mosta.

Il-Pulizija temmen li huwa kien offrut somma flus u li l-qtil seħħ f’xi ħin bejn l-4.30 p.m. u s-6.30 p.m. fejn Camilleri staħba wara ċint tas-sejjieħ faċċata tar-residenza u meta l-Baruni Sant Cassia ħareġ mir-residenza sparalu tir f’rasu bil-vittma tmut fuq il-post.

Camilleri tressaq fil-Qorti mixli bil-qtil fit-8 ta’ April 2006 bl-avukat tiegħu talab li l-akkużat jiġi eżaminat minn psikjatra ħalli jara l-istat tiegħu qabel u wara l-arrest.

Il-psikjatra Joseph Spiteri ikkonkluda li Camilleri ma kellu ebda “disturb mentali” waqt li l-psikjatra Joseph Vella Baldacchino ikkonkluda li l-akkużat kellu IQ baxx u għalhekk seta’ jitqies bħala vulnerabbli.

L-Avukat Ġenerali ma qabilx li għax Camilleri għandu IQ baxx għandu jiġi meqjus bħala vulnerabbli.

Wara li semgħet liż-żewġt naħat l-Imħallef Scerri Herrera rrimarkat li Camilleri huwa persuna vulnerabbli b’IQ baxx ta’ 50 li għandu wkoll ‘slight mental retardation’ u ‘single mindedness’.

Hija ddeċidiet li la l-istqarrijiet itteħdulu mingħajr avukat u l-ġuri għadu ma sarx l-istess stqarrijiet kellhom jitneħħew mill-provi li għandha tressaq il-prosekuzzjoni.