Lokali
Imħassba bid-droga li qed tinbiegħ mil-lukandi tagħhom

Il-lukandiera jinsabu mħassba li t-traffikanti tad-droga qed jużaw l-propjetajiet tagħhom biex ibigħu d-droga. Dan wara li f’April li għadda nstabu erba’ każi ta’ traffikar tad-droga minn lukandi u saret anke sejħa mill-Magistrat Joe Mifsud għal passi fuq l-impjegati tal-lukandi jekk dawn jgħalqu għajnejhom għal din l-attività kriminali.

Stħarriġ li għamel TVM jirriżulta li fl-aħħar erba’ snin, il-Pulizija kkonfiskat mat-tliet kilo droga minn diversi lukandi, l-iktar fil-Gżira, Tas-Sliema u San Pawl il-Baħar. Għalkemm dan l-ammont jista’ jidher li mhux wieħed kbir ħafna, sorsi qrib il-Pulizija qalu li f’April l-inċidenza tat-traffikar tad-droga mil-lukandi żdiedet meta nstabu tliet każi separati.

Din ix-xejra ħassbet lill-pulizija, hekk kif it-traffikanti tad-droga qed jużaw tattika ġdida biex imexxu l-attività kriminali tagħhom billi jikru kmamar f’lukandi, anke għal-lejl wieħed biss, biex jittraffikaw mingħajr ma jpoġġu l-propjetà tagħhom fil-periklu.

Dan ix-xenarju jidher li qed iħasseb lill-President tal-Assoċjazzjoni tal-Lukandi u Ristorant, Tony Zahra. “Aħna mħassba ħafna li jkun hemm attività li mhiex legali f’kwalunkwe post li għandhom x’jaqsmu mal-lukandi jew ristoranti. Il-membri tagħha żgur huma inkwetati wkoll u ċert li qed jieħdu miżuri biex jaraw li dawn l-affarijiet kemm jista jkun ma jsirux.”

Wara li tressqu l-Qorti kemm Maltin kif ukoll barranin li nqabdu f’April li għadda jittraffikaw id-droga mil-lukandi, il-Maġistrat Joseph Mifsud wissa li anke impjegati fil-lukandi li jgħalqu għajnejhom għal din l-attività kriminali għandhom jiġu investigati. Is-Sur Zahra qal li l-MHRA mhiex se tkun it-tarka għal min ma jimxix mal-liġi.

“Jekk hemm xi ħadd li qed juża l-propjetà tiegħu u jaf li qed tiġi użata għal xi ħaġa illegali allura hemm il-liġi li tieħu ħsieb li tagħmel dik li trid tagħmel u tieħu n-nies il-Qorti kif qal il-Maġistrat,” qal Zahra.

Il-President tal-MHRA qal li l-impjegati jistgħu jirrapurtaw każi suspettużi iżda mhux dejjem faċli li jkunu jafu x’qed jiġri bejn l-erba’ ħitan tal-kmamar mikrija tal-lukandi. “Mhix daqshekk sempliċi u faċli biex ssib lil xi ħadd li qed jagħmel xi ħaġa li mhux suppost, għax il-kamra hija privata.”

Din is-sena, l-Pulizija arrestat 4 persuni minn 3 lukandi differenti. L-ikbar qabda saret meta l-Pulizija arrestat Franċiż li kellu kilò u 200 gramma kokaina. It-tliet persuni l-oħra arrestati huma Maltin li l-każi tagħhom tressqu l-Qorti.

Aħbarijiet Oħra
Lokali

Għall-elezzjonijiet tal-kunsilli lokali u l-Parlament Ewropew se jikkontestaw 10 persuni b’diżabilità, disgħa għall-kunsilli lokali u wieħed għall-Parlament Ewropew. Il-Kummissarju għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità, Oliver Scicluna qal dan huwa pass pożittiv…

Lokali

Il-Mellieħa Holiday Centre, li qabel kienet magħrufa bħala d-Danish Village, inawgurat faċilitajiet ġodda li saru b’investiment ta’ €9 miljun. Fl-inawgurazzjoni l-Prim Ministru Joseph Muscat qal li dan hu investiment ieħor…

Mużika

Mat-300 student illum żaru l-Mużew Nazzjonali tal-Arti l-Muża fil-Belt Valletta biex jiltaqgħu mal-kantanta Michela u fl-istess waqt jiksbu timbru speċjali ta’ Chameleon fuq il-passaport kulturali tagħhom. Fit-tieni attività organizzata mill-PBS…

Qorti

Portugiż tilef id-depożitu u l-garanzija personali ta’ €24,000 wara li quddiem il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech ammetta li kiser il-kundizzjonijiet tal-libertà proviżorja mogħtija mill-Qorti fi Frar li għadda. Rosalino Martins Pais…

Aktar