Lokali
Imħeġġa skontijiet fis-servizzi u l-prodotti lil kull min għandu l-Kartanzjan

Il-ħwienet u n-negozji qed jiġu mħeġġa biex joffru skontijiet fis-servizzi u l-prodotti tagħhom lir-residenti f’Malta li għandhom aktar minn 60 sena. Fi kliem is-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva, Silvio Parnis, din l-inizjattivà se tagħti ħajja ġdida lill-Kartanzjan filwaqt li tħeġġeġ lill-anzjani ma jingħalqux bejn l-erba’ ħitan ta’ djarhom u jibqgħu attivi fis-soċjetà.

Ħwienet tal-ikel, tal-ħwejjeġ u hairdressers huma fost in-negozji li qed jiġu mħeġġa joffru skontijiet fuq il-prodotti u s-servizzi tagħhom għal anzjani f’Malta li għandhom iktar minn 60 sena. Dan wara li d-Dipartiment tal-Anzjanità Attiva ħareġ sejħa għall-interess maħsuba għan-negozji fil-pajjiż biex l-anzjani filwaqt li jżommu ruħhom attivi jkomplu jdawru r-rota ekonomika.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva, Silvio Parnis, iddeskrieva din l-inizjattiva bħala qawmien ġdid tal-Kartanzjan.

“L-anzjani tagħna b’din il-kartanzjan ikunu jistgħu jmorru fi ħwienet fejn ituhom persentaġġ fuq l-ikel, is-cinema, il-ħwejjeġ, fuq dawk li jixtiequ,” qal is-Segretarju Parlamentari għall-Azjanità Attiva Silvio Parnis.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Anzjanità Attiva, Renzo Degabriele, qal li l-proposti kollha tan-negozji se jiġu evalwati.

“Imbagħad noħorġu ktejjeb lill-anzjani tagħna ħalli jkunu jafu l-offerti u d-discounts li jkun hemm fl-establishments diversi fil-pajjiż kollu,” qal il-Kap Eżekuttiv tad-Dipartiment tal-Anzjanità Attiva u l-Kura fil-Komunità Renzo Degabriele.

Is-sejħa għall-interess se ddum miftuħa tliet xhur.