Barranin
Immigranti jirrifjutaw li jinżlu l-Libja – jgħidu li jippreferu jmutu

Aktar minn 70 immigranti li ġew salvati minn vapur tal-merkanzija fil-Mediterran qed jirrifjutaw li jinżlu wara li l-vapur sorġa f’port Libjan.

Uħud mill-immigranti qalu lill-ġurnalisti li jippreferu li jmutu milli jkunu mġiegħla jinżlu l-Libja, fejn qalu li nżammu kontra l-volontà tagħhom u ġew torturati mit-traffikanti.

Il-vapur wassalhom Misrata fl-10 ta’ Novembru li għadda wara li ġabbarhom minn fuq dagħjsa ‘l barra mill-kosta tal-Punent tal-Libja.

Erbatax-il persuna fosthom tfal waħedhom, omm u tarbija ħallew il-vapur u ttieħdu f’ċentru ta’ detenzjoni fil-Libja, iżda qed ikun rappurtat li fuq il-vapur għad hemm 77 immigrant. Skont stqarrija tan-Nazzjonijiet Magħquda, l-immigranti huma mill-Etjopja, l-Eritrea, is-Sudan t’Isfel, il-Pakistan, il-Bangladesh u s-Somalja.