
Lewis Pace ta’ 66 sena ġie kkundannat sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin u mmultat €20,000 wara li nstab ħati li tratta ħażin 23 kelb.
Il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Donatella Frendo Dimech ordnatlu wkoll iħallas €5,000 lill-Assoċjazzjoni għall-Annimali Abbandunati, lid-Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali u spejjeż tal-Qorti.
Il-pulizija ħadet passi kontra Pace wara li f’Awwissu tas-sena l-oħra, nstabu l-klieb fi stat ħażin f’dar fi Triq Barth fil-Ħamrun.
Il-Qorti semgħet kif il-klieb instabu fi stat ta’ abbandun jgħixu fil-ħmieġ tagħhom stess. Uħud minnhom ma kellhomx ċippa elettronika skont il-liġi. Xi wħud kienu qed jinżammu wkoll f’gaġġeġ li tant kienu żgħar li forsi kienu tajbin biss biex fihom jinżammu l-fniek.
Il-Qorti qalet li ma kinetx qed timponi sentenza ta’ ħabs effettiva minħabba l-istat ħażin ta’ saħħa tal-akkużat u għax ma tqisx li hu ta’ periklu għas-soċjetà. Madankollu s-sentenza trid tirrifletti l-gravità tar-reat li wettaq.