Trasport
Imnedija għadd ta’ skemi għax-xiri ta’ vetturi ġodda

Transport Malta nediet erba’ skemi b’investiment ta’ €3.5 miljuni biex tippromovi l-użu ta’ vetturi li ma jniġġsux u mezzi alternattivi tat-trasport.

L-ewwel skema hi maħsuba biex tħajjar lin-nies jixtru vetturi ġodda li ma jniġġsux, filwaqt li jiskrepjaw il-vetturi li jniġġsu. Din l-iskema għandha allokazzjoni ta’ €1.8 miljun.

Skema oħra hi maħsuba għal xiri ta’ vetturi elettriċi, fosthom pedelecs u muturi żgħar, b’allokazzjoni ta’ €1.6 miljun.

Il-bqija tal-iskemi jinċentivaw il-qalba ta’ vetturi għall-gass u x-xiri ta’ vetturi aċċessibbli għall-passiġġieri b’diżabilità.

Waqt li ta d-dettalji tal-iskemi, il-Ministru għat-Trasport, Ian Borg, qal li l-allokazzjoni tal-iskemi żdiedet b’€1 miljun meta mqabbel mas-sena l-oħra.

Filwaqt li tenna l-impenn tal-Gvern għas-settur tat-trasport sostenibbli, il-Ministru Borg qal li matul il-pandemija tal-Coronavirus, is-servizz tat-trasport pubbliku baqa’ jintuża minn 50,000 passiġġier kuljum.