Lokali
Imnedija l-kampanja Fuq il-baħar kun prudenti

Fuq il-baħar Kun Prudenti. Din hija t-tema tal-kampanja edukattiva biex iżżid l-għarfien ħalli jonqos ir-riskju ta’ inċidenti fuq il-baħar. Il-kampanja ġiet varata llum fil-Ġnejna.

10 knots fil-portijiet, mitejn metru mill-blat u tliet mitt metru mir-ramel. Dawn huma l-prinċipji bażiċi li kull min isuq opra tal-baħar irid iħomm f’moħħu. L-iktar f’dan iż-żmien tas-sajf, fejn l-għawwiema u l-baħħara spiss iridu jaqsmu l-baħar bejniethom. L-attenzjoni għar-regoli tal-baħar huma l-qofol tal-kampanja ‘Fuq il-Baħar Kun Prudenti’ li tnediet fil-bajja tal-Ġnejna – immirata kemm għall-għawwiema u għal min joħroġ bid-dgħajsa.

Il-kampanja għal dawk li jużaw id-dgħajjes tiffoka fuq żewġ binarji. L-ewwel fuq il-limitu tal-veloċità, bil-għan li jkunu evitati inċidenti. Fil-fatt 40% tal-kontravenzjonijiet li Transport Malta ħarġet is-sena l-oħra kienu minħabba li nqabeż il-limitu tal-veloċità.

“Il-messaġġ ewlieni hu li l-uffiċjali tal-Awtorità mhux qegħdin hemm biex jiġbru l-flus, mhux qegħdin hemm biex ibeżżgħu lin-nies, però s-sigurtà hija priorità anke fuq il-baħar għax għandek illum għexieren ta’ eluf ta’ nies li għandhom opri tal-baħar u tajjeb li jirrispettaw lil min qiegħed igawdi s-sajf.

Iċ-Chairman tal-Awtorità tat-Trasport Joe Bugeja qal li dis-sena l-iskwadra ta’ nfurzar fuq il-baħar fi ħdan Transport Malta diġà wettqet ‘il fuq minn elf spezzjoni, ħarġet aktar minn 300 kontravenzjoni u mal-mitt twiddiba. “L-Awtorità qiegħda kontinwament tinvesti f’apparat biex issaħħaħ l-aspett tal-infurzar fis-settur marittimu imma iktar importanti qed tinvesti flus fl-aspett edukattiv. L-edukazzjoni biex nipproteġu lilna nfusna u nkunu nafu kif għandna naġixxu huwa iktar importanti. L-Awtorità wkoll qed tipprepara ruħha b’tibdil leġislattiv biex inkomplu nassiguraw li s-saħħa tiġi l-ewwel u qabel kollox.”

Il-Kampanja ‘Fuq il-baħar Kun Prudenti’ hija mmirata wkoll għall-għawwiema bi Transport Malta ħejjiet 56 żona għall-għawm fl-iktar bajjiet popolari fil-gżejjer Maltin, filwaqt li għas-sidien tad-dgħajjes tħejjew 40 skall minn fejn iniżżlu l-opri tagħhom.