Lokali
Imnedija skemi ġodda għal solar water heaters u heat pumps

Il-Gvern alloka miljun Ewro biex jgħin familji jixtru tagħmir li juża enerġija li tiġġedded biex jissaħħan l-ilma fid-dar u b’hekk jiffrankaw fil-kontijiet tad-dawl u l-ilma. Il-Ministru għall-Enerġija, Miriam Dalli, ħabbret id-dettalji ta’ tliet skemi li l-applikazzjonijiet għalihom se jibdew jintlaqgħu mis-sitta u għoxrin ta’ dan ix-xahar għand ir-regolatur għas-servizzi tal-enerġija u l-ilma, ir-REWS. Waħda mill-iskemi taħseb f’min m’għandux aċċess għall-bejt.

Tħabbru d-dettalji ta’ tliet skemi ġodda maħsuba biex jinkoraġġixxu familji jistallaw tagħmir li jsaħħan l-ilma fid-djar bl-użu ta’ solar water heaters jew air ta’ water heat pumps.

L-iskema tas-solar water heaters ġiet estiża fejn se tingħata għotja ta’ €700 għal tagħmir b’garanzija ta’ ħames snin.

Skema oħra taħseb għal sistemi ta’ stainless steel li jieħdu ‘l fuq minn 100 litru, l-għotja tlaħħaq sa €1,4000 u tkopri tliet kwarti tal-ispiża. Biex il-garanzija fuq dawn is-sistemi titla’ għal 10 snin, se tingħata għotja oħra ta’ €500. Hu stmat li s-solar water heaters jiffrankaw medja ta’ madwar 1,800 unit ta’ dawl fis-sena f’kull residenza.

Teknoloġija oħra li qed tingħata għajnuna finanzjarja għaliha hi dik tal-air to water heat pumps li biha dawk li m’għandhomx aċċess għall-bejt ikunu jistgħu jistallaw tagħmir ta’ enerġija nadifa biex isaħħnu l-ilma fi djarhom. Il-heat pumps jużaw sħana fl-arja u jbiddluha f’enerġija biex jissaħħan l-ilma. L-efffiċjenza tagħhom hi fil-livell ta’ tliet darbiet aktar minn geazer. L-iskema għax-xiri ta’ dan it-tagħmir tipprovdi sa €1,000 fuq l-investiment li jsir, li jfisser nofs l-ispiża.

Il-Ministru għall-Enerġija, Miriam Dalli, qalet li l-iskemi se jgħinu biex il-familji jaqilbu mill-geysers tradizzjonali li jaħlu ħafna elettriku għal tagħmir aktar effiċjenti bl-użu tal-enerġija li tiġġedded.

“Mhix teknoloġija aktar nadifa biss. Hija teknoloġija li lil-familji se trendilhom ħafna aktar grazzi għall-grants li qegħdin nippreżentaw. Fil-fatt qegħdin nikkalkulaw li familja fuq temp ta’ sena tista’ tiffranka €2,160 b’return on investment f’temp ta’ erba’ snin biss. Dawn l-iskemi li ppreżentajna jolqtu wkoll 3 għanijiet importanti fil-lista tal-għanijiet tas-sustainable development goals, għax irridu li kull miżura li nressqu ‘il quddiem tkun qed tindirizza l-iżvilupp sostenibbli.”

Mistoqsija dwar is-solar rights fejn effett ta’ bini ġdid pannelli tax-xemx jispiċċaw fid-dell, il-Ministru Miriam Dalli qalet li l-gvern ma nesiex din il-kwistjoni u qalet li bdew taħdidiet mal-Ministeru għall-Ambjent li ġie nvolut minħabba l-irwol tal-Awtorita’ tal-Ippjanar.