Lokali
Imnedija strateġija nazzjonali bi 13-il għan biex iħarsu l-jeddijiet tal-persuni b’diżabilità

Il-Ministeru għall-Inklużjoni ppubblika strateġija nazzjonali dwar id-drittijiet tal-persuni b’diżabilità għad-disa’ snin li ġejjin.

L-istateġija hi msejsa fuq 13-il għan maħsuba fost oħrajn biex tħares id-drittijiet tal-persuni b’diżabilità fl-oqsma kollha tas-soċjetà.

Fit-tnedija tal-istrateġija, il-Ministru Julia Farrugia Portelli sejħet l-istrateġija bħala boxxla soċjali fil-qasam tad-diżabilità.

L-aċċessibilità fit-toroq u t-trasport pubbliku hi waħda mill-għanijiet li trid tilħaq strateġija nazzjonali ġdida għad-drittijiet tal-persuni b’diżabilità.

Bit-tema “Libertà Li Tgħix”, l-istrateġija ħejjiet pjan għad-disa’ snin li ġejjin ħalli jitħarsu d-drittijiet tal-persuni b’diżabilità f’kull qasam tas-soċjetà.

Għal Noel Aquilina, li għandu diżabilità fiżika, din l-istrateġija taħseb biex tindirizza l-isfidi li jiltaqgħu magħhom il-persuni b’diżabilità.

“Se tkun qed ittina vuċi u saħħa iktar biex aħna nitkellmu dwar kull qasam tal-ħajja tagħna. Mhux sports biss. Mhux edukazzjoni biss. Iżda kollox. Issa sta għalina l-persuni b’diżabilità li nibdew nitkellmu għal dak kollu li nemmnu fih” qal is-Sur Aquilina.

Il-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità, Samantha Pace Gasan, qalet li l-Kummissjoni se tara li din l-istrateġija ma tibqax fuq il-karta.

“L-istrateġija titkellem dwar edukazzjoni, saħħa u aspetti differenti tal-ħajja b’diżabilità. Li hu interessanti li l-istrateġija ssemmi l-fatt li baqgħalna fejn immorru u għandna pjan għal disa’ snin li rridu mmorru hemm”, qalet Pace Gasan.

Il-Ministru għall-Inklużjoni, Julia Farrugia Portelli, iddeskriviet l-istrateġija bħala boxxla soċjali għall-qasam tad-diżabilità. Il-Ministru Farrugia Portelli qalet li b’din l-istrateġija qed titwettaq wegħda elettorali tal-Gvern.

“Li l-persuni b’diżabilità għandhom dritt għax-xogħol, għall-aċċessibbiltà kif ukoll dritt għal numru ta’ affarijiet oħrajn fosthom li jkollhom dritt li huma jibnu familja”, qalet Farrugia Portelli.

Is-Segretarju Permanenti tal-Ministeru għall-Inklużjoni, Matthew Vella qal li din l-istrateġija se tkompli tiffaċilita l-aċċessibilità u tissimplifika l-proċessi għall-persuni b’diżabilità.