Lokali
Imniedi freephone ġdid għal rapporti fuq irregolaritajiet ta’ bini u kostruzzjoni

Jitħabbru l-ewwel miżuri minn sensiela ta’ riformi fl-industrija tal-bini u l-kostruzzjoni li skont il-Ministru Aaron Farrugia mistennija jimmodernizzaw, iħarsu u jsaħħu l-industrija filwaqt li jtejjbu l-kwalità tal-ħajja u jagħtu serħan il-moħħ lill-familji Maltin u Għawdxin.

Fost l-ewwel miżuri hemm li sal-aħħar tas-sena se jirdoppjaw l-ispetturi biex jispezzjonaw u jinforzaw ir-regolamenti f’siti ta’ kostruzzjoni/ F’miżura biex il-pubbliku jħossu sigur f’daru, tnieda wkoll freephone għal rapporti ta’ irregolaritajiet.

Sal-aħħar ta’ din is-sena, se jirduppjaw minn 10 għal 20 l-ispetturi nkarigati li jagħmlu spezzjonijiet regolari fuq proġetti ta’ kostruzzjoni biex jiżguraw li dawn huma konformi mal-proċeduri regolatorji u amministrattivi.

Bi sfont ta’ sit ta’ kostruzzjoni f’Ħaż-Żabbar, il-Ministru għall-Ambjent u l-Ippjanar Aaron Farrugia spjega li dawn l-ispetturi se jinvestigaw kwalunkwe rapport ta’ allegat irregolaritajiet u jiżguraw li n-notifiki ta’ infurzar jiġu segwiti. Qal li permezz ta’ żjajjar spissi fuq is-siti, l-ispetturi se jirrakomandaw l-azzjonijiet meħtieġa u jżommu s-sistema tal-infurzar aġġornata.

“Ninsabu ftit ġimgħat ‘il bogħod mit-twaqqif tal-Awtorità għall-Bini u l-Kostruzzjoni iżda llum tħabbru l-ewwel riformi f’dan il-qasam. Fuq quddiem nett qed ngħidu li se jkollna pool of experts li se jkomplu jaraw skrutinju aħjar tal-method statement li jidħol għand l-Aġenzija u eventwalment għand l-Awtorità.”

Miżura oħra hi linja ta’ telefown bla ħlas: 8004 9000, biex il-pubbliku jkun jista’ jirraporta kwalunkwe irregolaritajiet f’xogħlijiet ta’ kostruzzjoni.

Żied li l-Gvern se jikkollabora ma’ professjonisti bħal periti biex jevalwaw id-dikjarazzjoni tal-metodu fuq twaqqigħ, skavar u xogħlijiet ta’ kostruzzjoni sottomessi mill-perit responsabbli mill-proġett/ Qal li l-bżonn ta’ twaqqif tal-Awtoritá għall-Bini u l-Kostruzzjoni hu l-qafas li fuqu hu miktub ir-rapport ta’ grupp ta’ esperti mmexxija mill-imħallef Quintano. Hu appella lill-Oppożizzjoni biex tinnomina lil xi ħadd biex ikun membru fil-bord ta’ din l-awtorità.

Mistoqsi dwar il-pożizzjoni tal-Gvern jekk l-Assoċjazzjoni tal-Iżviluppaturi u l-Kamra tal-Periti għandhomx ikunu membri tal-Awtorità, il-Ministru Farrugia qal li l-Gvern ressaq abbozz bil-pożizzjoni tiegħu u bħalissa l-Oppożizzjoni u entitajiet oħra ressqu l-emendi tagħhom li qed jiġu diskussi fl-istadju ta’ kumitat. Żied li l-Gvern qed jisma’ u imbagħad jiddeċiedi.

Is-Segretarju Parlamentari Chris Agius ħabbar li l-bennejja se jibdew jingħataw liċenzja li tiġġedded kull tliet snin. Qal li l-bennejja għandhom iżommu dejjem din il-liċenzja magħhom fuq il-lant tax-xogħol. Il-bennejja lliċenzjati se jkunu wkoll immniżżla fuq reġistru online li se jibda jinżamm mill-Aġenzija tal-Bini. Qal li s-sena l-oħra, l-aġenzija ħarġet 38 multa, issiġillat 4 siti ta’ kostruzzjoni u ħarġet 48 ordni ta’ infurzar. Fl-istess tnax-il xahar, saru ‘l fuq minn 4,500 spezzjoni u ġew proċessati ‘l fuq minn 2,500 ilment.