Lokali
Imniedi proġett pilota biex jgħin liż-żgħażagħ jimirħu fid-dinja tan-negozju

Fil-ġimgħa Ewropea ddedikata għall-iżvilupp sostenibbli tnieda proġett pilota biex tinħoloq iktar sinerġija bejn imprendituri u ż-żgħażagħ li jridu jimirħu fid-dinja tan-negozju. Dan il-proġett se jibda fil-komunità taż-Żurrieq.

L-esperjenza imprenditorjali se titħallat mal-enerġija żagħżugħa għall-komunitajiet aktar sostenibbli. Dan permezz ta’ proġett pilota li se jibda fiż-Żurrieq, li fih żgħażagħ b’ideat innovattivi u sostenibbli se jingħataw appoġġ professjonali f’laqgħat ta’ informazzjoni minn imprendituri stabbiliti.

L-imprenditur Mark Bajada, wieħed mill-mentors taż-żgħażagħ, qal li l-inizjattiva hija frott l-ideat li diġà jeżistu fil-komunità.

“Fil-fatt l-inzjattiva telqet minn hemm għax hemm ħafna interess u għax ma jkollhomx il-gwida u d-direzzjoni forsi kif wieħed għandu jagħmel business plan u għalhekk tajjeb li wieħed jiġi għall-dawn il-laqgħat biex nispjegaw x’se jiġri eżatt.”

Iċ-Ċhairperson tal-Junior Achievement Young Enterprise, Chris Vassallo Cesareo, qal li dan il-proġett jorbot tajjeb mal-għan ta’ JAYE biex aktar żgħażagħ jibdew jieħdu togħma tad-dinja kummerċjali.

“Nemmnu wkoll li nidħlu ġol-Kunsilli individwi qed nibdew minn hawn u għandna diversi kunsilli fejn se nkunu qed naħdmu wkoll.”

Il-Ministru għall-Intrapriża, l-Enerġija u l-Iżvilupp Sostenibbli, Miriam Dalli, spjegat li ħafna drabi żgħażagħ b’ideat validi jiskoraġġixxu ruħhom milli jimplimentawhom għax ma jkollhomx min jimmotivahom iwettqu fil-prattika l-ideat tagħhom. Dr Dalli qalet li dan il-proġett għandu jrawwem ġenerazzjoni f’negozju sostenibbli.

“Dan se jkun biss l-ewwel proġett irridu naraw jekk hux se jirnexxi. Jiena nittama li jkun ta’ suċċess biex inkunu nistgħu nirreplikawh aktar ‘il quddiem.”

Il-Ministru Dalli qalet li dan il-proġett huwa wieħed minn sensiela li se jitniedu sabiex il-prinċipju tas-sostenibiltà jiġi implimentat f’kull qasam tas-soċjetà.