Lokali
Imniedi studju biex iħares 2 speċi ta’ għasafar fil-Mediterran li huma mhedda


Ingħata bidu għal studju xjentifiku li għandu l-għan li jtejjeb l-istat ta’ konservazzjoni ta’ żewġ speċi ta’ għasafar tal-baħar Mediterranju li jinstabu taħt theddida: il-Garnija u l-Garnija Balearika.

L-istudju qed ikun ikkordinat minn Birdlife Malta flimkien ma’ sħab oħra tal-istess organizazzjoni minn erba’ pajjiżi oħra u entitajiet tal-Gvern Malti u Grieg. Id-dettalji dwar din l-inizjattiva ngħataw dalgħodu fir-Riżerva Naturali tas-Salina.

Il-Proġett Life PanPuffinus għandu l-ghan li jtejjeb l-istat ta’ konservazzjoni ta’ żewġ speċi ta’ għasafar endemiċi li jinsabu taht theddida: il-Garnija u l-Garnija Balearika.

Il-Kap tal-Konservazzjoni ta’ Birdlife Malta, Nicholas Barbara, qal li dawn l-ispeċi jinsabu biss fil-Mediterran u jinsabu f’riskju ta’ estinzjoni.

“Dawn huma ghasafar illi jghixu ħajja twila, imma sfortunatament ibidu biss darba f’sena jiġifieri jekk ikun hemm il kundizzjonijiet tal-ambjent illi dawn ma jistgħux ikollhom il-bejta tagħhom mod li din tħalli aktar frieħ naraw decline ta’ dawn l-għasafar fuq medda ta’ ftit ta’ għexieren ta’ snin.”

Il-Maniġer tal-Proġett, Manya Russo, qalet li anke l-pubbliku jista’ jgħin billi ma jħallix skart warajh fuq il-bajjiet jew fil-kampanja.

“Waħda mil-ikbar raġunijiet għaliex għandna ħafna ġrieden u predators bażikament li jieklu l-bajd ta’ dawn l-għasafar, huwa għaliex jiġu ħabba l-iskart li jħallu warajhom in-nies.”

Il-Gvern permezz tad-Dipartiment tas-Sajd u l-Akwakultura qed jikkollabora ma’ Birdlife Malta f’dan l-istudju xjentifiku. Il-Ministru għall-Agrikoltura u s-Sajd, Anton Refalo, saħaq fuq l-edukazzjoni sa mit-tfulija.

“Importanti li ngħallmu lit-tfal tagħna l-istudenti kemm hu importanti nippreservaw l-ambjent taghna.”

L-istudju li se jdum għaddej ħames snin mistenni jiswa tliet miljuni u erba’ mija u ħamsin elf ewro. Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej, Stefan Zrinzo Azzopardi, spjega li dan il-proġett hu parti mill-programm Ewropew LIFE, bl-Unjoni Ewropea se toħroġ ‘il fuq minn żewġ miljun ewro.

“Dan il-proġett jiddependi minn dawn il-fondi li jingħataw minn fondi Ewropej li se jwassal għal aktar konservazzjoni u studji importanti”

Birdlife hi fiduċjuża li dan il-proġett iħalli l-frott u appellat għas-sehem ta’ kulħadd fil-ħarsien tal-ambjent.

“Ix-xoghol li qed isir bħalissa ħa jaghti frott iktar ‘il quddiem digà minn xogħol li għamilna f’Malta fil-passat – dan huwa r-raba’ proġett digà rajna improvement fl-istatus ta’ dan l-għasfur.”

Il-proġett li beda issa se jinvestiga f’aktar dettall fejn jinsabu dawn l-għasafar, kif jaffettwahom is-sajd, u l-perikli li l-Garnija u l-Garnija Balearika jiffaċċjaw tul iċ-ċiklu tal-ħajja.